Reazzjoni Pożittiva Ħafna Mill-Pubblika Għat-Tieni Serata Tal-MESC…

 Reazzjoni Pożittiva Ħafna Mill-Pubblika Għat-Tieni Serata Tal-MESC…

It-tieni serata tal-Malta Eurovison Song Contest bla dubju kienet waħda sabiħa ħafna mimlija memorji u emozzjonijiet, fejn ġie mfakkar il-50 sena anniversarju minn meta Malta pparteċipat fil-Eurovision Song Contest, lura fl-1971.

F’din is-serata rajna lill-kantanti kollha li rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest matul is-snin, b’ħafna minnhom jerġgħu jkantaw il-kanzunetta tagħhom wara bosta snin, b’diversi siltiet li qajmu nostalġija mill-isbaħ.

Is-serata tal-bieraħ kienet preżentata minn Ryan u Josmar flimkien ma’ Ron Briffa li kellhom kummenti pożittivi ħafna għal mod kif preżentaw, b’uħud jgħidu li kienu jidhru aktar kunfidenti, naturali u professjonali fil-preżentazzjoni tagħhom.

Fi tmiem is-serata ġew imħabbra s-16-il finalista li se jkunu qed jieħdu sehem fit-tielet u l-aħħar serata tal-lejla fejn finalment jkun imħabbar ir-rebbieħ li se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fis-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fil-belt Taljana ta’ Turin.

Il-finalisti tal-Malta Eurovision Song Contest huma Enya Magri, Sarah Bonnici, Matt Blxck, Denise Mercieca, Norbert Bondin, Raquel Galdes Briffa, Mark Anthony Bartolo, Baklava ft. Nicole, Aidan, Janice Mangion, Nicole Hammett, Nicole Azzopardi, Richard Edwards, Giada, Emma Muscat u Miriana Conte.

Aktar kmieni dalgħodu tħabbret ukoll is-17-il kanzunetta li se tkun qed tieħu sehem fil-finali. Dan wara li lbieraħ il-preżentaturi ħabbru li s-sitt kanzunetti li m’għaddewx ser ikollhom iċ-ċans li wieħed minnhom jintagħżel għal finali permezz ta’ votazzjoni mill-pubbliku li damet sat-8am. Il-kantanta magħżula hija Jessika bil-kanzunetta ‘Kaleidoscope’.

Il-finali tal-Malta Eurovision Song Contest tixxandar illejla b’mod dirett fuq TVM fid-9pm.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com