Restawrat Torri Storiku Tal-Ilma Fost Xogħolijiet Oħra Li Saru B’Investiment Ta’ Iktar Minn €1 Miljun Fil-Biċċerija Pubblika
Ġie inawgurat investiment ta’ iktar minn miljun ewro fil-Biċċerija Pubblika li wassal biex waqt li jkun issalvagwardjat wirt industrijali uniku fil-gżejjer Maltin, ikun imnaqqas l-impatt ambjentali tal-operat tal-istess impjant permezz ta’ użu ta’ enerġija iktar nadifa. L-investiment totali sar fir-restawr tat-torri storiku tal-ilma, id-daħla tal-Biċċerija, li tmur lura għall-aħħar snin tas-seklu dsatax, u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ pannelli fotovoltajċi.
Parti kbira minn dan l-investiment saret f’torri storiku tal-ilma, wieħed mill-ewwel strutturi tal-concrete fil-gżejjer Maltin. Dan kien strumentali għall-operat tal-Biċċerija għal madwar ħamsin sena. It-torri, li kien iddeterjora ħafna maż-żmien, ġie restawrat u issa se jerġa’ jibda jintuża għall-ħażna ta’ ilma ppurifikat li jkun se jintuża fis-sistema ta’ tisħin tal-ilma fil-Biċċerija.
Ir-restawr tat-torri sar b’investiment ta’ madwar €250,000 minn fondi nazzjonali, €70,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar u madwar €500,000 bħala parti minn proġett ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta, ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Horizon 2020.
Ir-restawr sar taħt id-direzzjoni tal-Professur Ruben P. Borg u fih ġew utilizzati teknoloġiji innovattivi li waslu biex Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa fejn l-istess teknoloġija intużat fil-prattika. Hekk, Malta tpoġġiet fuq il-mappa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċerka avvanzata fuq concrete. F’dan it-torri ġiet installata ukoll sistema li żżommu taħt moniteraġġ kontinwu biex b’hekk, bħala parti mill-istess riċerka, jkunu osservati dawn il-materjali innovattivi f’kundizzjonijiet ambjentali u ta’ operat differenti.
Il-post fejn jinsab, kif ukoll il-materjali li huwa magħmul minnhom se jgħinu biex, b’mod partikolari fir-rebbiegħa u fis-sajf, t-temperatura tal-ilma maħżun fih titla’, u dan se jgħin fil-proċessi sussegwenti. Dan hekk kif se tiġi utilizzata anqas enerġija biex l-ilma jilħaq it-temperatura ta’ 83⁰C, kif meħtieġ fl-operat tal-Biċċerija.
Dawn il-proġetti twettqu b’koordinazzjoni sħiħa tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Sport kif ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali.
Ritratti: DOI