Sal-2027 L-Enemalta Se tkun Investiet €90 Miljun Biex Issaħħaħ Is-Sistema Ta’ Distribuzzjoni Tal-Elettriku

 Sal-2027 L-Enemalta Se tkun Investiet €90 Miljun Biex Issaħħaħ Is-Sistema Ta’ Distribuzzjoni Tal-Elettriku

Beda jitwettaq il-pjan biex l-Enemalta sal-2027 tkun investiet mad-€90 miljun biex issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan bil-għan li tiżdied l-istabbiltà fil-provvista tal-elettriku għall-familji u n-negozji.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li Enemalta qed taċċellera pjan ta’ azzjoni biex isiru investimenti varji li flimkien għandhom l-għan li jsaħħu n-network tal-pajjiż, hekk kif id-domanda tal-elettriku qed tiżdied b’aktar minn 10% fis-sena.

“Biex insaħħu s-sistema ta’ distribuzzjoni, Enemalta qed talloka mal-€15-il miljun fis-sena. Fost oħrajn, dan il-pjan jinkludi żieda ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida kull sena, liema substations se jkunu awtomatizzati,” spjegat il-Ministru Dalli.

L-investiment f’substations ġodda waħdu jaqbeż iż-żewġ miljun ewro fis-sena. Barra minn hekk, l-immodernizzar ta’ substations eżistenti, inkluż it-tibdil ta’ switchgears u l-awtomazzjoni, huwa ta’ madwar miljun u nofs fis-sena.

Filwaqt li din is-sena, aktar minn kwart tas-substations madwar Malta u Għawdex se jkunu awtomatizzati, din iċ-ċifra se tkun qed tirdoppja sal-2027. Huwa mistenni li n-numru ta’ substations jitla’ għal 1,900 biex b’hekk 950 substation ikunu awtomatizzati. B’din il-mira, in-network tal-pajjiż ikun kollu awtomatizzat.

Fil-preżentazzjoni tiegħu lill-ġurnalisti, iċ-chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Jonathan Scerri saħaq li Enemalta tat spinta lit-twettiq ta’ proġetti u interventi varji, bħala parti mill-ewwel fażi tal-pjan ta’ azzjoni.

“B’dawn l-investimenti s-sistema tad-distribuzzjoni tkun tista’ tlaħħaq maż-żieda fid-domanda għall-elettriku, jonqsu l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku, u jitqassar il-ħin tal-interruzzjonijiet”, spjega l-Inġ. Scerri.

Interventi oħrajn li qed isaħħu s-sistema ta’ distribuzzjoni jinkludu t-tibdil tal-linji u l-installazjoni ta’ line voltage regulators f’diversi lokalitajiet bħal Ħad-Dingli, l-Imtaħleb u l-Kalkara.

Investimenti kapitali oħra jinkludu t-tkabbir taċ-ċentri tad-distribuzzjoni ta’ Ħal Tarxien, l-Imrieħel u Marsaskala u l-bini ta’ Ċentru tad-Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar.

“Dawn il-proġetti bejniethom jinvolvu investiment ta’ madwar €15-il miljun,” qal l-Inġ. Scerri.

Il-Ministru Dalli fakkret li l-pajjiż qed jaħseb għal aktar stabbiltà fil-provvista tal-elettriku permezz tat-tieni interconnector. Għal dan il-għan, Enemalta se tinvesti €6 miljun f’cable tal-132kv mill-Magħtab għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Mosta.

“Nirringrazzja lill-ħaddiema u t-tekniċi tal-Enemalta li qed jaħdmu lejl u nhar biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-klijenti u tassigura li l-pajjiż ikollu provvista stabbli ta’ enerġija elettrika. Din hija ħidma kontinwa, inkluż b’manutenzjoni regolari tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku”, ikkonkludiet Miriam Dalli.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com