Se Tkun Qed Isir Manutenzjoni F’40 Blokka Eżistenti Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali

 Se Tkun Qed Isir Manutenzjoni F’40 Blokka Eżistenti Ta’ Akkomodazzjoni Soċjali

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fl-Oqsma tad-Djar Soċjali f’Ta’ Paris, Birkirkara, fejn tħabbret l-iskeda l-ġdida għas-sena 2022 ta’ riġenerazzjoni ta’ blokok eżistenti ta’ akkomodazzjoni soċjali. Il-proġett ta’ riġenerazzjoni, li ilu għaddej mis-sena 2017, se jwassal għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ 440 familja oħra li jgħixu f’40 blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali f’seba’ lokalitajiet madwar Malta.

Din l-iskeda ta’ riġenerazzjoni se tagħti dehra ġdida lil żewġ blokok fi Triq il-Bjar, Triq San Nikola u Triq Sant’Ursula fil-Belt Valletta, erba’ blokok fi Triq Pietro D’Armenia f’Pembroke, tmien blokok f’Binja Hesri fi Triq Dun Anton Vella fis-Siġġiewi, erba’ blokok fi Triq il-Luq, Triq il-Ward u Triq il-Ġiżimina f’Ħaż-Żabbar, erba’ blokok fi Triq ir-Ruman, fi Vjal il-Ħaddiem u Triq il-Kavallieri fir-Rabat (Malta), tmien blokok fi Triq San Pawl, Triq il-Gendus, f’Misraħ Bonnici, Triq Santa Margerita, Triq San Piju X u Sqaq Cordina f’Bormla, u għaxar blokok fi Triq Fonsu Maria Galea, Triq Olaf Golcher, Triq G.Grech Delicata, Triq il-Qattus u Triq il-Girasol f’Birkirkara. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu, fost oħrajn, xogħlijiet fil-bjut, fil-faċċati u fil-partijiet komuni tal-blokok konċernati.

Il-Ministru Roderick Galdes sostna li,”Impenjajna ruħna li nagħtu l-attenzjoni lill-bini tal-housing, imma fuq kollox lill-familji residenti. Wegħidna li se nirriġeneraw il-blokok kollha tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna. Qed nitkellmu fuq 1,167 blokka li għandna mxerrdin mal-pajjiż kollu. Aġixxejna u dik il-wegħda żammejniha, ġejna fil-bidu ta’ kull sena u tajna programm ta’ xogħlijiet, kif qed nagħmlu issa. Is-sena l-oħra biss, saru xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq 40 blokka, u din is-sena mhux b’inqas.”

Il-baġit totali li ġie allokat għall-programm ta’ din is-sena se jlaħħaq maż-żewġ miljun u tliet mitt elf ewro. Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Akkommodazzjoni Soċjali, diġà għamel investiment ta’ madwar €15-il miljun f’6 snin bħala parti minn programm ħolistiku ta’ riġenerazzjoni, titjib u tisbiħ li sa issa laqat madwar 3,000 familja.

Il-Ministru Roderick Galdes għalaq billi tenna li, “L-investiment mhux fil-ġebla imma kollu kemm hu fin-nies. Għaliex id-dar mhix biss l-erba’ ħitan mill-bieb il-ġewwa, imma l-ambjent kollu li ngħixu fih. Dan huwa l-mod wiesa’ kif bdejna nifhmu l-housing fl-aħħar snin, qegħdin tabilħaqq nirrikonoxxu li l-livell tal-għajxien tagħna jiddependi mill-kwalità tal-ambjent li ngħixu fih.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad- Djar is-Sur Leonid McKay stqarr li l-investiment li qed isir mill-awtorità qed imur direttament għand ir-residenti u n-nies. Is-Sur McKay saħaq ukoll kif l-importanza li qed tingħata lir-riġenerazzjoni tal-oqsma tad-djar eżistenti hi waħda essenzjali, anke jekk qed isir investiment kbir f’bini ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid. “Il-mira tal-awtorità hija dik li kull blokka ta’ akkomodazzjoni soċjali tiġi riġenerata,” temma jgħid is-Sur Leonid Mckay.​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com