Sewwieq Ta’ 91 Sena U Passiġġier Ta’ 84 Sena Sofrew Ġrieħi Gravi Wara Ħabta Bejn 6 Karozzi
Anzjan ta’ 91 sena u ieħor ta’ 84 sena weġġgħu gravi wara li kienu nvoluti f’ħabta bejn diversi karozzi.
L-aċċident seħħ illum, għall-ħabta tal-11:15am, fi Triq Papa Piju V, il-Belt Valletta, fejn il-Pulizija kienu nfurmati li kienet seħħet ħabta bejn numru ta’ vetturi.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-inċident seħħ bejn Opel Corsa misjuqa minn raġel ta’ 91 sena residenti San Ġwann, u Honda Civic misjuqa minn Ingliża ta’ 66 sena residenti Ħal Lija.
Konsegwentement, l-Opel Corsa, li fiha kien hemm ukoll raġel ta’ 84 sena residenti Tas-Sliema, ħabtet ma’ erba’ vetturi li kienu pparkjati.
Tim mediku ta l-għajnuna, ambulanza ħadet lill-irġiel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa u ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.