Sptar Ġdid B’400 Sodda, Campus Tal-MCAST Ġdid U Żewġ Vapuri Ġodda Fost Il-Wegħdiet Tal-PN Għall-Għawdex

 Sptar Ġdid B’400 Sodda, Campus Tal-MCAST Ġdid U Żewġ Vapuri Ġodda Fost Il-Wegħdiet Tal-PN Għall-Għawdex

Wara li ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista approva l-programm elettorali ‘Miegħek għal Malta’ għall-ħames snin li ġejjin, f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu l-Kap tal-PN Bernard Grech elenka l-ewwel proposti tiegħu għall-gżira Għawdxija. Dr Grech qal li kienet ix-xewqa tal-PN li fl-ewwel tliet ijiem tal-kampanja jkun fil-gżira Għawdxija u jħabbar il-proposti li għandu preparat għaliha.

Bernard Grech qal li l-ewwel proposta għall-Għawdex hija li titwaqqaf immedjatament il-privatizzazzjoni tal-uniku sptar li hemm f’Għawdex u dan ma jibqax f’idejn Steward. Huwa spjega kif minflok ikun imwettaq programm kapitali massiv għall-iżvilupp, permezz tal-Malita plc, ta’ Sptar Ġenerali ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex.

Il-Kap tal-PN spjega wkoll li se jkun qed isir investiment kbir biex trattamenti għall-kanċer jiġu mogħtija f’Għawdex stess, kif ukoll jinfetaħ servizz ġdid tal-MRI f’Għawdex u jkunu allokati riżorsi speċjalizzati biżżejjed għall-kliniċi tal-outpatients biex jitnaqqas l-iskariġġ tal-pazjenti Għawdxin lejn Malta.

Dr Bernard Grech ħabbar ukoll li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jibni campus tal-MCAST ġdid ġewwa Għawdex. Huwa spjega li se jkunu qed jiżdiedu il-korsijiet offruti kif ukoll jiġu introdotti korsijiet ġodda f’diversi oqsma marbutin mal-għaxar setturi ġodda mħabbra.

Il-PN qed jipproponi wkoll li tinbena branka dedikata tal-Malta Enterprise b’unità ta’ appoġġ għall-promozzjoni tal-investiment dirett lokali u barrani f’Għawdex.

Bernard Grech sostna li l-aċċessibbiltà effettiva u effiċjenti bejn Malta u Għawdex hija prijorità, speċjalment fid-dawl tal-insularita’ doppja li tiżvantaġġa lil Għawdex u lill-Għawdxin.

“Għax jimpurtana rridu nassiguraw li l-aċċessibbilta’ ma tkunx aktar ta’ xkiel u b’hekk intejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi. Dan kollu jista’ jsir jekk jintlaħaq bilanċ bejn aċċessibiltà eċċellenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli,” saħaq Dr Grech.

Il-PN qed iwiegħed li ikabbar il-port tal-Imġarr u jissaħħu l-faċilitajiet tiegħu b’mod li jkun jista’ jilqa’ aħjar għat-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer, b’mod li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-passiġġieri u l-merkanzija.

Il-Kap tal-PN spjega li din il-wegħda tfisser ukoll li tiżdied il-flotta tal-Gozo Channel b’żewġ vapuri ġodda. Wieħed minn dawn il-vapuri jkun dedikat għall-merkanzija b’servizz regolari u ta’ kuljum lejn il-Port il-Kbir.

Rigward il-proġett tal-mina Dr Bernard Grech qal li għandhom isiru l-istudji kollha neċessarji f’termini ekonomiċi, ambjentali, soċjali u oħrajn bi tħejjija għall-proġett tal-link permanenti bejn Malta u Għawdex. Huwa qal ukoll li għandu jsir referendum fost il-poplu Għawdxi wara li jkunu ġew ippublikati l-istudji. Dan filwaqt li l-PN qed jipproponi wkoll li jidħol fis-seħħ servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet ukoll indirizzata minn Claudio Grech, il-persuna li ħa ħsieb it-tfassil tal-programm elettorali. Huwa qal li dan il-programm hu programm ambizzjuż li iżda jista’ jwassal għal tibdil għall-aħjar fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com