Stħarriġ Juri Kif Il-Partit Laburista Għadu Jgawdi Minn Maġġoranza B’Saħħitha
Stħarriġ ikkummissjonat mill-gazzetta ‘It-Torċa’ li ġie ppublikat dalgħodu juri, li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, id-distakk bejn il-Parit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jkun ta’ 13.6%.
Skond dan l-istħarriġ li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà, il-Partit Laburista jikseb 56.0% tal-voti tal-elettorat, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 42.4%. L-ADPD jew partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.6% tal-elettorat.
Dott. Marmarà spjega l-mod kif inħadem dan l-istħarriġ, fejn qal li ntuża l-metodu tal-Multiple Imputation Technique. Dan ifisser li b’mod xjentifiku joħroġ riżultat għal dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jew jgħidu li huma indeċiżi.
Meta wieħed iqabbel dan ir-riżultat mal-elezzjoni li kienet saret fl-2017, il-Partit Laburista żied b’1% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas b’1.3%.
Dan jirriżulta li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada r-riżultat ikun viċin ħafna ta’ dak tal-elezzjoni ġenerali tal-2017.