“Tħabbtux Dan Il-Bieb Jekk Mhux Lesti Tgħajtu Le Għall-Marina F’Marsaskala”
“Tħabbtux dan il-bieb jekk mhux lesti tgħajtu le għall-marina f’Marsaskala.”
Dan huwa l-messaġġ li qed iwaħħlu diversi residenti f’Marsaskala mal-qanpiena tad-dar tagħhom, b’messaġġ dirett lil politiċi u kandidati għall-elezzjoni ġenerali.
Dan hekk kif il-kontroversja u l-protesti kontra l-marina f’Marsaskala kull ma jmur dejjem qed jiżdiedu, bl-aħħar waħda tkun ilbieraħ stess.
Il-Moviment Graffitti flimkien man-nies ta’ Wied il-Għajn u diversi NGOs oħra qed jisħqu li fid-dawl tal-wegħda tal-Ministru Ian Borg li jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill qabel jgħaddi għat-tieni fażi tal-proċess fis-sejba għall-investituri, għandu jirtiraw is-sejħa u l-pjanijiet għal kull yacht marina f’Wied il-Għajn, hekk kif il-Kunsill ikkonferma darba, tnejn, li huwa kategorikament kontra yacht marina fil-bajja tal-lokalità.
Dan wara li fl-20 ta’ Jannar 2022, il-Ministru Ian Borg iltaqa’ mal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn dwar il-kwistjoni tal-yacht marina ppjanata minn Transport Malta. Matul din il-laqgħa l-Ministru Borg qal li ma kienx jaf bil-mozzjoni li ħa l-Kunsill f’Awwissu, liema mozzjoni tikkundanna l-ħruġ tas-sejħa għal investituri f’yacht marina fil-bajja ta’ Wied il-Għajn u tiddikjara li m’għandu jkun hemm l-ebda tip ta’ konċessjoni lill-privat għal yacht marina.
Il-Ministru għaraf li din il-mozzjoni kienet qed tirrifjuta kategorikament kull yacht marina, u ta ċans sa nofs Frar lill-Kunsill sabiex jerġa’ jiddiskutiha u jikkunsidra li jbiddel il-mozzjoni f’waħda li ma teskludix kompletament l-għotja ta’ konċessjoni lill-privat. Huwa wiegħed li Transport Malta mhux se tgħaddi għat-tieni fażi tal-proċess qabel ikollha l-pożizzjoni finali tal-Kunsill Lokali.
Il-Kunsill iltaqa fl-24 ta’ Jannar u unanimamemt qabel li jżomm il-mozzjoni li ttieħdet f’Awwissu. Din intbagħtet formalment lill-Ministru Borg u lil Transport Malta.
F’din l-istess laqgħa, il-Ministru Borġ irrefera wkoll għax-xenarju fejn Transport Malta tidħol hi direttament, u mingħajr ebda konċessjoni lil privat, sabiex issewwi l-breakwaters u torganizza l-irmiġġi eżistenti. Dan ix-xenarju huwa propju dak li jixtiequ r-residenti, is-sajjieda, id-dilettanti tal-festa u tan-nar, u diversi persuni oħra. Però s’issa għalkemm diversi sejħiet u protesti mill-Iskalin il-Ministru Borġ għadu ma’ attwax dan ix-xenarju li semma’ hu stess.