Tisħiħ Fil-Liġi Tas-Cyber Bullying U Tas-Cyber Stalking Biex Ikun Miġġieled Il-Bullying Fuq Pjattaformi Onlajn
Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħabbru li attwalment fil-parlament qed jiġi diskuss abbozz ta’ liġi bil-għan li jinħoloq qafas legali biex jiġi miġġieled kull tip ta’ bullying u stalking onlajn.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li l-Gvern irrisponda għall-bżonn li nħoloq minħabba l-avvanz li sar fid-dinja diġitali. L-abbozz bħalissa jinsab fi stadju ta’ kumitat parlamentari bil-għan li jipproteġi lill-vittmi kollha li qed jesperjenzaw abbuż li jseħħ fuq pjattaformi diġitali. Dan jinkludi tfal, adoloxxenti u persuni oħra vulnerabbli. L-Abbozz 260 ser joħloq bilanċ bejn il-libertà tal-espressjoni u l-fenomenu tal-hate speech, u fl-istess waqt ser jagħraf is-cyber stalking u s-cyber bullying bħala reati speċifiċi punibbli bil-liġi.
“L-abbozz propost ser jaħdem qatigħ biex jipproteġi s-soċjetà tagħna minn kwalunkwe abbuż li jsir minn persuni online. Tajjeb li wieħed isemmi li dan it-tip ta’ abbuż jieħu forom differenti, f’ċerti ċirkostanzi wieħed jaħbi l-identità tiegħu u permezz ta’ fake profiles jattakka lill-vittma”. Il-Ministru spjega li s-cyber bullying u s-cyber stalking huma realtà komuni li dan il-Gvern ser ikompli jiġġieled.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ il-ħidma u l-infrastruttura biex ikun miġġieled il-bullying fuq pjattaformi onlajn. Il-bullying jaf jieħu diversi forom għax l-ebda forma ta’ bullying mhu tollerabbli.
“L-għan ta’ din il-liġi huwa li nassiguraw li l-internet u s-cyberspace ikunu post sigur għal dawk kollha li jagħmlu użu minnhom u għalhekk se jkun emendat il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta biex jirrifletti r-realtajiet tal-lum. Din se twassal biex jiżdiedu żewġ artikoli ġodda fil-liġi li permezz tagħhom se jkun hemm definizzjoni ċara ta’ segwiment ċibernetiku u bullying fuq l-internet”, qal il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Falzon qal li din il-liġi se tikkumplimenta inizjattivi oħra li diġà qegħdin fis-seħħ biex tkompli tiġi miġġielda kull forma ta’ bullying onlajn. Fil-fatt, Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS tħaddem numru ta’ proġetti bħal BeSmartOnline, fejn dan is-servizz anke nieda l-kampanja ‘The Digital Detox Campaign’. Din il-kampanja fuq Facebook, #Digital Detox, tolqot tfal bejn l-10 snin u s-sittax-il sena. B’kollox intlaħqu mad-39,472 tifel u tifla permezz ta’ din il-kampanja. L-istess aġenzija rċeviet 900 talba ta’ għajnuna marbuta ma’ cyberbullying.
Ritratt: DOI