Titnieda Għat-Tieni Sena Skema Għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Biex Jinkisbu Fondi Għat-Twettiq Ta’ Proġetti Innovattivi B’Aspett Xjentifku Fil-Komunità
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda għat-tieni darba skema ta’ fondi li tippromwovi l-innovazzjoni u l-użu tax-xjenza fil-komunità permezz tat-tixrid tal-għarfien u l-użu tiegħu fil-bliet u l-irħula tagħna. L-għan ta’ din l-iskema hu li ssostni finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet volontarji għat-twettiq ta’ proġetti innovattivi fil-komunità, u b’hekk jixxerred l-għarfien u l-użu tagħhom.
Waqt it-tnedija tal-fond, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici ddeskriva din l-iskema bħala waħda essenzjali li se tkompli toħloq għarfien dwar il-ħtieġa tal-innovazzjoni, ir-riċerka u s-suġġetti xjentifiċi anki fuq livell lokali fi ħdan l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet volontarji li tant jagħmlu ġid fil-komunità. Huwa qal li dan jimxi id f’id mal-istrateġiji nazzjonali f’dan is-settur.
Il-Ministru Bonnici sostnali, “Il-Gvern irid ikompli jqarreb il-komunitajiet Maltin lejn ix-xjenzi u jkompli jeduka lis-soċjetà dwar kif dawn jaffettwawna fil-ħajja ta’ kuljum, jgħinuna nimxu ‘l quddiem u nilħqu l-miri tagħna. Bl-istess mod inkunu qed inrawmu mentalitajiet ġodda u nħarju lit-tfal u l-istudenti jersqu lejn ix-xjenzi. Ir-realtà hi li minn dejjem, ir-riċerka u l-innovazzjoni kienu kruċjali għall-benesseri tal-ħajja u l-ħolqien tal-progress skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà u rridu nkomplu nenfasizzaw l-importanza stroardinarja tagħhom.”
B’kollox ġew allokati €150,000 u l-fond se jkun amministrat mill-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Kull organizzazzjoni tista’ tibbenefika minn massimu ta’ €10,000.
Sabiex l-organizzazzjonijiet jibbenefikaw minn dan il-fond, hu meħtieġ li l-istess organizzazzjonijiet joħorġu bi proposti għal proġetti innovattivi. Il-proposti li jużaw approċċ b’enfasi fuq ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM) bħala punti ta’ aċċess biex jiggwidaw proċessi ta’ tagħlim, djalogu u ħsieb kritiku li jwasslu biex it-teorija u l-prattika jitħaddmu flimkien huma eliġibbli wkoll.
Is-Sur Alistair Borg, id-Direttur għall-Istrateġija u Sapport fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru, qal li, “ Din l-iskema, li tinsab fit-tieni sena tagħha, inħolqot bil-ħsieb li tkompli tqanqal il-qlub u l-imħuħ favur il-bżonn ta’ iktar għarfien dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-soċjetà Maltija.”
L-applikazzjonijiet eliġibbli kollha se jkunu evalwati minn bord ta’ evalwaturi skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati.
Ritratt: DOI