Tliet Stħarriġiet Juru Rebħa Laburista Ta’ Bejn 23,000 U 45,000 Vot
Hekk kif illum qed ngħalqu l-ewwel ġimgħa ta’ kampanja elettorali dalgħodu ġew ippublikati tliet stħarriġiet mill-gazzetti MaltaToday, Times of Malta u t-Torċa li t-tlieta li huma qablu li kieku kellha ssir elezzjoni llum din tintrebaħ mill-Partit Laburista, però b’distakk differenti.
L-istatistiku Dr Vincent Marmarà fl-istħarriġ li għamel għal gazzetta t-Torċa qal li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada huwa ta’ 13.4% favur il-Partit Laburista.
Huwa sġjega li jekk wieħed jikkunsidra turnout simili bħal dak tal-2017, dan ir-riżultat ipoġġi distakk ta’ madwar 41,000 vot favur il-Partit Laburista.
Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 55.9% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 42.5%. Partit oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.6% tal-elettorat.
Fi stħarriġ ieħor li sar mill-gazzetta Maltatoday ħareġ li l-Partit Laburista b’elezzjoni llum jirbaħ bi 52.5% li jfissru kważi 23,000 vantaġġ fuq il-Partit Nazzjonalista. Din il-gazzetta qalet li l-PN jġib 44.9% tal-voti filwaqt li l-partiti ż-żgħar iġibu 2.6%.
It-tielet stħarriġ li sar kien mill-gazzetta Times of Malta b’riżultat viċin ħafna ta’ dak ta’ Dr Vincent Marmarà. Times of Malta fl-istħarriġ tagħha qalet li tistma distakk ta’ 44,500 vot. Il-PL jirbaħ l-elezzjoni b’56.2% filwaqt li l-PN jakkwista 42.4% tal-voti.
Fl-istħarriġiet kollha li saru juru perċentaġġ mhux żgħir ta’ nies li għadhom mhux jgħidu x’ħa jivvutaw, jew li mhux ħa jivvutaw.