Vandaliżmu, Ħsara, Serq U Żibel Fir-Riservi Tal-FKNK
Fuq il-paġna tal-FKNK (Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti) ittellgħu ritratti li juru l-vandaliżmu, il-periklu ta’ nar u l-ħsara fuq siġar u art ikkultivata, serq ta’ tabelli li kienu mwaħlin mill-awtoritajiet propju l-ġimgħa l-oħra, u żibel sparpaljat ma kullimkien li sar u tħalla minn ‘nies’ li qattaw ir-‘rikreazzjoni’ tagħhom matul il-weekend fir-Riserva tal-Aħrax, il-Mellieħa, tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).
Din hija amministrata mill-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti – Mellieħa fi ħdan l-istess FKNK.
Fi stqarrija li tellgħu fuq il-midja soċjali tagħhom, qalu li dan it-tip ta’ vandaliżmu u ħsara vendikattiva, serq ta’ tabelli, u ż-żibel li jitħalla, qed iseħħ wara kull weekend, kif ukoll li ilu jseħħ fuq bażi regolari fir-Riservi tal-FKNK tal-Aħrax kif ukoll tal-Miżieb, tul dawn l-aħħar 36 sena, kemm ilhom ir-Riservi għand l-FKNK.
“Dan huwa ukoll xiehda ċara oħra kemm il-pubbliku għandu aċċess liberu għar-Riservi, għal kuntrarju ta’ Riservi oħra li jappartjenu lil entitajiet u NGOs oħra li huma msakrin bil-ktajjen u katnazzi u mdawrin b’reċinti.”
Għaldaqstant, il-FKNK appellat lill-awtoritajiet konċernati sabiex minnufih jappuntaw il-Conservation Officers b’poteri esekuttivi kif stipulat fil-ftehim u l-MoU fis-seħħ fil-preżent bejn l-FKNK u l-istess awtoritajiet, kif ukoll sabiex qabel jerġaw jitwaħlu tabelli ġodda, ikunu nstallati is-CCTVs, il-Ballards u l-Gradi kif miftiehem ukoll. Il-FKNK tapella wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex issir aktar sorveljanza, speċjalment fil-weekends fl-inħawi tar-Riservi tal-Aħrax u l-Miżieb.
Il-FKNK appellat lill-pubbliku li jżur ir-Riservi, sabiex ikun aktar prudenti u jirrispetta l-liġi fl-imġiba tiegħu u jħares l-ambjent naturali fil-kilometri twal ta’ mogħdijiet pubbliċi u l-ispazji tal-picnic areas li hemm fir-Riservi – l-istess ftit ambjent naturali pubbliku, li wara kollox huwa tagħna lkoll u tal-gżejjer Maltin.