“Wara Snin Jieħu Aktar Minn €17,000 Fix-Xahar, Lilek Qed Jagħtik Il-Frak…” – Il-PN
“It-tħabbira tal-lum ta’ Robert Abela hija tentattiv iddisprat qabel l-elezzjoni, ta’ Prim Ministru f’paniku li inqabad kemm kien qed jieħu minn kuntratt tal-Gvern.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista wara dak li ħabbar il-Gvern dalgħodu f’Marsaxlokk.
Fi stqarrija l-PN qal li biex il-Prim Ministru jidher li qed jindirizza l-għoli tal-ħajja li qed jiżdied b’mod mgħaġġel, “deher mal-Ministru Clyde Caruana f’attentat biex jgħatti d-diżgwid bejniethom.”
“Il-miżuri tal-lum huma ftit wisq u tard wisq. L-għoli tal-ħajja sploda fix-xahrejn li għaddew u l-frak li qed jiġi offrut ma jindirizzax il-kwistjonijiet u l-problemi ta’ dawk li qed jitħabtu biex ilaħħqu,” saħaq il-PN.
Intqal li Robert Abela “huwa maqtugħ min-nies” wara li huwa nqabbad li għamel snin jieħu aktar minn €17,000 fix-xahar minn direct orders tal-Gvern.
Il-PN qal li l-ammont ta’ flus li qed jingħataw lura lin-nies bilkemm ikopri l-miljuni misruqa mill-kontijiet tad-dawl.
“Robert Abela jieħu l-kejk u jagħtik il-frak,” tenna l-PN, filwaqt saħaq li qed “jonfoq flusek biex jgħidlek li qed jagħtik il-kejk biex jipprova jixtri l-vot tiegħek.”
Il-PN temm jgħid li Gvern mmexxi minn Bernard Grech se: “jirrifondi l-miljuni misruqa fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, jiżgura living wage diċenti, jipprovdi fond ta’ €40 miljun biex jikkumpensa għall-ispejjeż tat-trasport tal-importaturi u l-manifatturi, u jieqaf jaħli l-flus ta’ min iħallas it-taxxa fuq kuntratti korrotti u ta’ ħela.”
B’reazzjoni għal din l-istqarrija l-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru Robert Abela qed jitkellem dwar il-futur u l-ħtiġijiet tal-familji, filwaqt li “l-Partit Nazzjonalista mhedi f’kampanja ta’ qerq, xhieda ta’ partit tal-imgħoddi. Id-differenza qatt ma kienet ċara daqs illum.”