X’Ġaralu Kevin Borg Waqt Li Kien Qed Ikanta Fit-Teatru Manoel?
L-ispettaklu tant mistenni GOLD fit-Teatru Manoel finalment wasal bl-ewwel serata minn tlieta ntemmet b’suċċess lbieraħ filgħaxija. GOLD huwa spettaklu ta’ mużika popolari tal-grupp ABBA f’għeluq il-50 sena minn meta rrekordjaw l-ewwel kanzunetta.
Għal Kevin Borg l-ewwel esperjenza tiegħu fuq il-palk tat-Teatru Manoel kienet xi ftit differenti minn kif kienet pjanata, hekk kif waqt il-provi ġenerali li saru lbieraħ stess filgħodu sfortunatament spiċċa weġġa’ sew waqt waħda mill-istunts li kellu jagħmel.
“Weġġajt billi qtajt parzjalment il-ligamenti f’sieqi l-leminija. Ittieħidt malajr l-klinika tal-Furjana fejn l-istaff tal-ġenn tal-Health Centre laqgħuni b’ħafna mħabba bħal dejjem,” spjega Kevin f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Huwa kompla jgħid li għalkemm minħabba dan l-inċident li kellu spiċċa bil-krozzi u għal xi żmien mhux ħa jkun jista’ jimxi sew, “mhux ħa naqta’ qalbi maljar u mhux se nħalli din is-sitwazzjoni twaqqafni milli nagħmel l-ispettakli, b’rispett lejn l-udjenza u t-tim,” tenna Kevin Borg.
Huwa rringrazzja lit-tim kollu kif ukoll lil kantanti kollha fejn wara tant preparamenti kellhom jagħmlu arranġamenti ġodda u jaddattaw l-ispettaklu sabiex Kevin seta’ jkanta xorta waħda.
Nixtiequlek fejqan ta’ malajr Kevin!