20 Jum Qabel L-Elezzjoni Ġenerali L-PL B’Distakk Ta’ Bejn 27,000 U 38,000 Vot Fuq Il-PN
Issa li ninsabu f’għeluq il-ġimgħatejn ta’ kampanja elettorali u 20 jum ‘il bogħod mill-elezzjoni ġenerali dalgħodu ġew ippublikati żewġ stħarriġiet, mill-gazzetta t-Torċa u l-MaltaToday.
Għall-ġimgħa oħra t-tnejn li huma qablu li kieku kellha ssir elezzjoni llum din tintrebaħ mill-Partit Laburista, però b’distakk differenti.
L-istatistiku Dr Vincent Marmarà fl-istħarriġ li għamel għal gazzetta t-Torċa qal li l-polz tal-elettorat qed juri li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 12.2% favur il-Partit Laburista. Dan jirriżulta mit-tielet stħarriġ li għamel f’din il-kampanja elettorali, b’kampjun ta’ elf persuna u margin of error ta’ +/- 3.1%.
Huwa qal li jekk wieħed jikkunsidra turnout simili bħal dak tal-2017, dan ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ li sar bejn is-26 ta’ Frar u t-3 ta’ Marzu, ipoġġi distakk ta’ madwar 38,000 vot favur il-Partit Laburista.
Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 55.2% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.0%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.8% tal-elettorat.
Fi stħarriġ ieħor li sar mill-gazzetta Maltatoday ħareġ li l-Partit Laburista b’elezzjoni llum jirbaħ bi 53.4% li jfissru 27,265 vantaġġ fuq il-Partit Nazzjonalista. Din il-gazzetta qalet li l-PN jġib 44.4% tal-voti filwaqt li l-partiti ż-żgħar iġibu 2.2%.
Il-MaltaToday qed tgħid ukoll li fl-2017 ħarġu jivvutaw 92.1%. Fl-elezzjoni ta’ din is-sena jidher li n-numru ta’ nies li joħorġu jivvutaw se jkompli jonqos, hekk kif aktar persuni qed jgħidu li mhux ħa jivvutaw, bil-probabbiltà tkun li dawn il-voti jkunu qed jolqtu aktar lill-Partit Laburista.