31 Għaqda Volontarja Jibbenefikaw Minn Fondi Biex Iwettqu Proġetti STEM Fil-Komunità
Waqt ċerimonja ta’ għoti ta’ fondi l-Ministru Owen Bonnici ppreżenta mal-€240,000 bejn 31 għaqda volontarja li ġejjin minn kampi tal-ħidma edukattiva, soċjali, kulturali, sportiva u reliġjuża minn fost Malta u Għawdex kollha bil-għan li jsiru proġetti fil-komunità li jkollhom is-suġġetti STEM/STEAM fil-bażi tagħhom.
F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu l-Ministru qal li dan il-fond kien parti mit-tieni edizzjoni tal-Iskema Xjenza u Innovazzjoni fil-Komunità’, li nkludiet sejħa pubblika.
“Aħna rridu li x-xjenza u l-innovazzjoni ma tibqax tal-ftit imma ssir tal-ħafna. Kull wieħed minn dawn il-proġetti se jgħin biex iktar qlub u mħuħ fit-toroq, irħula u bliet tagħna jkabbru kuxjenza favur dawn l-oqsma,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.