‘Earth Heroes, Unite!’ – Tema Favur L-Ambjent Għal Skolasajf 2022
L-applikazzjonijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Skolasajf se jiftħu fit-23 ta’ Marzu 2022. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnieda l-logo ta’ Skolasajf għal din is-sena, li għamlitu Naielle Formosa Cumbo, studenta ta’ 9 snin mill-iskola primarja tal-Imsida. Skolasajf din is-sena għandha t-tema ‘Earth Heroes, Unite!’, bħala sejħa ta’ ħidma favur l-ambjent.
“Din is-sena, għall-ewwel darba, is-servizz f’dawn iċ-ċentri se jibda jingħata ħamest ijiem fil-ġimgħa, flok fuq tlett ijiem kif kien offrut fis-snin ta’ qabel. Dan kien pass ieħor biex jiġi offrut servizz aħjar. Skolasajf illum hija parti integrali mill-perkors edukattiv ta’ uliedna. Permezz ta’ Skolasajf, eluf ta’ studenti qed jibbenefikaw b’mod dirett b’benefiċċju marbut mal-akwiżizzjoni ta’ ħiliet ġodda li jsawru l-istess studenti. Dan kollu huwa xhieda ta’ kemm is-sistema edukattiva tagħna qed tirrifletti r-realtajiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha. It-tema ta’ din is-sena tirrifletti wkoll il-ħidma li għaddejja fl-iskejjel biex titqajjem aktar kuxjenza favur l-ambjent fost it-tfal tagħna,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.
Din is-sena Skolasajf tibda mill-11 ta’ Lulju sas-7 ta’ Settembru. Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Pamela Schembri spjegat kif Skolasajf baqgħet għaddejja matul is-snin minkejja l-problemi li ġabet magħha l-pandemija. Din is-sena huwa mistenni li n-numru ta’ reġistrazzjonijiet ikomplu jiżdiedu fuq is-sena l-oħra, anke meta tara li l-ġenituri komplew jirrikorru għal dan is-servizz matul il-vaganzi tas-Sajf. Fis-sena 2021 kien hemm kważi 8,300 applikazzjoni, numru li wera l-fiduċja fis-servizz kif ingħata fl-2020, sena li matulha ttieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġi offrut ambjent sigur li jħares is-saħħa tat-tfal u tal-ħaddiema fl-isfond tal-pandemija COVID-19.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FES Michael Bondin qal li l-applikazzjonijiet se jibdew jintlaqgħu online mit-23 ta’ Marzu 2022 sat-2 ta’ Mejju 2022, fuq is-sit https://services.fes.gov.mt/, kif ukoll fiċ-ċentri ta’ servizz.gov. Is-sena li għaddiet is-servizz kien offrut fi 58 lokalità f’Malta u Għawdex. F’34 minn dawn iċ-ċentri jkun ukoll offrut servizz estiż qabel u wara l-programm ewlieni, biex jakkomoda lill-ġenituri li jaħdmu. Is-servizz ta’ Skolasajf jingħata wkoll f’ħames ċentri ta’ riżorsa, fejn jattendu studenti li jkollhom diżabbiltà.
Biex jingħataw dawn is-servizzi, l-FES timpjega madwar 2,000 persuna, li jinkludu fost l-oħrajn, koordinaturi taċ-ċentri, playworkers u child support workers. L-applikazzjonijet għar-reklutaġġ huma miftuħa fuq is-sit https://recruitment.fes.gov.mt/.
It-tfal li jattendu s-servizz ta’ Skolasajf jibbenefikaw minn programm ta’ attivitajiet edukattivi informali. It-tema ta’ din is-sena, ‘Earth Heroes, Unite!’, hija stedina biex ikun hawn għaqda sabiex kulħadd jaħdem favur ambjent u soċjetà b’saħħithom.
Ritratti: DOI