“Agħtuni L-Ewwel Mandat Biex Minn Elf Proposta Nagħtikom Elf Kisba Ġdida” – Il-PM Robert Abela
“Din li qegħdin fiha bħalissa hi biss l-ewwel parti tal-vjaġġ. Għax dik li qegħdin fiha m’hijiex sempliċi tellieqa elettorali. Din m’hijiex għażla dwar liema partitarji se jiċċelebraw l-għada tal-elezzjoni. Iżda, hija għażla dwar x’tip ta’ soċjetà rridu. Biex mis-26 ta’ Marzu ‘l quddiem l-poplu kollu jiċċelebra u jiggwadanja mis-suċċessi li jikseb pajjiżna”.
Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta ndirizza rally fuq il-Fosos, il-Florjana, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru qal li f’pajjiż li ħiereġ minn pandemija, f’dinja li qed terga’ tiffaċcja inċertezza u instabbiltà, hemm jikber il-bżonn li t-tmexxija tkun stabbli u li taf x’qed tagħmel. Il-Mexxej Laburista semma tliet aħbarijiet importanti li kemm ilna li bdejna il-kampanja kellna tliet aħbarijiet ekonomiċi importanti. Is-sena li għaddiet l-ekonomija ta’ pajjiżna rnexxielha taqbeż b’nofs biljun dak li kienet qabel il-pandemija; l-FATF qalet li l-Gvern Laburista wettaq b’suċċess il-pjan ta’ azzjoni maqbul magħhom u l-aġenzija tal-kreditu S&P Global Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna fl-aqwa livell fl-aħħar għaxar snin. Apparti dan, wara pandemija għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u l-ġimgħa li għaddiet kompliet nieżla għal livelli rekord.
Il-manifest elettorali li għandu quddiemu l-poplu huwa riformista. Bil-maqlub, hemm madwar ħames verżjonijiet ta’ manifest tal-ftit, u mhux tal-ħafna, li ressaq il-Partit Nazzjonalista, verżjonijiet differenti li wrew kemm għandna Oppożizzjoni inkompetenti. Inkompetenza ta’ min għadu mhux lest biex imexxi l-pajjiżna. Manifest tal-imma u l-jekk, mimli terms and conditions. Il-Prim Ministru spjega li “għamlu kemm għamlu verżjonijiet tat-taparsi manifest elettorali, żammew iżda prinċipju wieħed konsistenti: it-twemmin li jekk hemm piż dan jerfgħu iż-żgħir. Terfgħu il-middle class”.
Il-Mexxej Laburista qal li jonqos tlettax-il ġurnata għall-elezzjoni u qal li l-poplu jistenna li f’dawn il-jiem min jinsab f’paniku jżid l-attakki u jkompli jdur għall-politika l-antika tiegħu, għax hekk jagħmel min ma jkollux proposti li jikkonvinċu. Il-Partit Laburista se jibqa’ jitkellem dwar x’Malta rridu għall-ħames snin li ġejjin. X’Malta rridu għal uliedna għax ma nistgħux nieħdu riskji bil-futur ta’ wliedna. Malta ġusta. U biex tkun ġusta trid tkun ugwali.
Il-Partit Laburista ma jikkuntentax bit-tajjeb, imma jrid l-aqwa standards, l-ogħla livelli. U għalkemm bdejna naslu, għad hemm ħafna xi nwettqu. Se niksbu aktar riżultati.
Il-Prim Ministru qal li l-punt ewlieni jibqa’ l-prinċipju. “Li aħna nfittxu t-tajjeb f’kulħadd. Għalhekk kull bidla li nressqu ‘l quddiem għandha ruh. Kull bidla għandha qalb. Nistgħu ngħidu ħafna affarijiet, imma jekk ma jkollnix demmna jbaqbaq għas-sewwa ma jkollnix ir-rieda li nwettquh. Mela ejja ma ninsewx li dan il-partit jeżisti għall-bidla. Il-bidla li ġġibna flimkien biex intejbu pajjiżna. Agħtuni l-ewwel mandat biex minn elf proposta nagħtikom elf kisba ġdida”, temm id-diskors tiegħu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.