“Appoġġ Favur Il-Programm Malta Flimkien Ifisser Appoġġ Favur Pajjiżna” – Il-PM Robert Abela
“Is-Sibt jibdew jivvotaw il-Maltin u l-Għawdxin. Baqa’ persuni li għad iridu jiġbru l-vot tagħhom. Huwa importanti li kulħadd ikollu dan il-vot għaliex huwa importanti li kulħadd ikun parti minn din id-deċiżjoni li għandna quddiemna fis-26 ta’ Marzu”.
Dan kien wieħed mill-messaġġi li wassal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività lbieraħ filgħaxija f’Bormla li għaliha attendew ż-żgħażagħ.
“Id-deċiżjoni hija dwar x’Malta rridu għal uliedna.” Il-Prim Ministru qal li hemm żewġ oqsma fejn se jsiru bidliet kbar: l-ambjent u l-edukazzjoni, għalhekk dawn se jingħataw prijorità fiż-żmien li ġej.
Il-Prim Ministru qal li biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-first time voters, iż-żgħażagħ u l-poplu għandhom ikunu parti mill-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu.
“ll-kampanja elettorali mhijiex sempliċiment dwar min se jiċċelebra l-għada tal-elezzjoni imma hija għażla dwar x’tip ta’ soċjetà jrid il-poplu Għawdxi u Malti, għaliex din hija għażla li tagħmel differenza. B’pajjiż li għadu kif ħareġ minn pandemija, b’dinja li bħalissa qed tiffaċċja instabbilta’, jikber il-bżonn li pajjiżna jkollu tmexxija stabbli ta’ partit li miegħu taf fejn int – il-Partit Laburista.”
Hekk qalet fl-interventi tagħha mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela. Hija tkellmet dwar il-ħarsien u drittijiet għall-annimali u mill-11-il proposta li hemm fil-manifest għal dan is-settur semmiet li jkun hemm ferm aktar għajnuna lil santwarji tal-annimali u sostenn lill-volontarji li jaħdmu f’dan is-settur. “Dawn huma turija ċara li f’dan il-manifest aħna ma nsejna lil ħadd, lanqas lil dawk li m’għandhomx leħen biex jitkellmu”, spjegat Dr Abela.
“Vot fis-26 ta’ Marzu huwa vot għal Malta isbaħ, għal Malta ta’ Opportunitajiet, għal Malta ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar. Malta Flimkien għax il-futur huwa sabiħ,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.