Ara Kif Tista’ Tivvota Jekk Tkun Pożittiv Bil-Covid-19 Jew Fi Kwarantina

 Ara Kif Tista’ Tivvota Jekk Tkun Pożittiv Bil-Covid-19 Jew Fi Kwarantina

Il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija qalet li qed isiru arranġamenti speċjali sabiex dawk il-persuni kollha li bejn it-12 ta’ Marzu u l-25 ta’ Marzu 2022 jinstabu pożittivi għall-Covid-19 jew ikunu fi kwarantina mandatorja jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom biss f’wieħed miċ-ċentri speċjali li ser jitwaqqfu apposta għal dan il-għan.

Dawn iċ-ċentri saru bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa biex dawn il-votanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kumdità u s-sigurtà għalihom u għall-pubbliku in ġenerali. Dan ser ikun qiegħed isir ukoll bħala prekawzjoni biex ikun assigurat illi l-proċess tal-votazzjoni jitmexxa bl-inqas periklu għas-saħħa ta’ kulħadd.

Għal dan l-għan, u kif titlob il-Liġi Elettorali, il-Kummissjoni Elettorali ser tkun qed tirċievi mingħand is-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika lista bid-dettalji ta’ dawn il-persuni min-nhar is-Sibt, 12 ta’ Marzu 2022, sad-9.00pm tal-25 ta’ Marzu 2022.

Il-Kummissjoni Elettorali saħqet dwar l-importanza li kull votant imur jivvota biss fiċ-ċentru li ser ikun avżat li jmur fih u mhux fil-post tal-votazzjoni li għandu indikat fuq id-Dokument tal-Vot.

Kull votant li jkun qiegħed ibati mill-Covid-19 jew qiegħed fi kwarantina mandatorja bejn it-12 ta’ Marzu u s-26 ta’ Marzu 2022 (Jum il-Votazzjoni) ser ikun jista’ jivvota biss fiċ-ċentri mwaqqfa għal tal-apposta u mkien iktar.

Votanti li jagħżlu li jibbenefikaw minn ħruġ kmieni mill-kwarantina xorta waħda ser ikunu jistgħu jivvotaw biss fiċ-ċentri mwaqqfa għal tal-apposta u mkien iktar.

Il-votanti li għandhom jivvotaw f’dawn iċ-ċentri ser ikunu qed jirċievu struzzjonijiet f’liema ċentru għandhom imorru jivvotaw fil-Jum tal-Votazzjoni.

Possibilità ta’ votazzjoni kmieni

Persuni li jkunu fuq il-lista maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika mit-12 ta’ Marzu, u jixtiequ jivvotaw ġimgħa qabel il-jum stabbilit għall-votazzjoni, jistgħu japplikaw biex jivvotaw kmieni nhar is-Sibt, 19 ta’ Marzu 2022.  Dan jista’ jsir billi jagħmlu dikjarazzjoni f’dan is-sens lill-Kummissjoni Elettorali.

Din id-dikjarazzjoni għandha ssir permezz ta’  email fuq [email protected] fejn il-votant juri x-xewqa li jivvota kmieni fid-19 ta’ Marzu 2022. Kulħadd huwa avżat illi t-terminu legali biex issir din id-dikjarazzjoni jagħlaq f’nofsinhar tal-Ġimgħa, it-18 ta’ Marzu, 2022.

Persuni msefrin li jridu jagħmlu kwarantina mal-wasla f’Malta

Min ser ikun qed jiġi Malta minn barra sabiex jivvota, għandu jiżgura li jagħmel l-arranġamenti meħtieġa fiż-żmien opportun, u ma jħallix għall-aħħar ħin biex jivvjaġġa, kemm biex jilħaq jiġbor id-Dokument tal-Vot tiegħu sad-data stabbilita bil-liġi, kif ukoll biex issir il-komunikazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tas-saħħa għar-rigward tal-perjodu ta’ kwarantina li jkun rikjest, liema kwarantina tibda tapplika mal-wasla tagħhom f’Malta.

Ta’ min jinnota illi min ma jkunx laħaq ġabar id-Dokument tal-Vot sa nofsillejl tal-Ħamis, 24 ta’ Marzu 2022, jew ikun qed ibati mill-Covid-19 jew ikun fi kwarantina mandatorja relatata mal-Covid-19 u ma jkunx iddaħħal fil-lista li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tgħaddi lill-Kummissjoni Elettorali sa nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu 2022 fid-9.00 ta’ filgħaxija, ma jkunx jista’ jivvota.

Aktar informazzjoni dwar dawn l-arranġamenti tista’ tinkiseb fuq in-numru tat-telefown 22261010 bejn it-8.00am u s-2.00pm jew it-3.00pm u t-8.00pm kuljum mil-lum sas-26 ta’ Marzu 2022. Persuna tista’ wkoll tibgħat mistoqsijiet permezz ta’ email fuq [email protected] mil-lum sas-26 ta’ Marzu 2022.​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com