Arrestati B’Rabta Ma’ Traffikar Tad-Droga – Wieħed Minnhom Prova Jirreżisti U Weġġgħu Żewġ Pulizija

 Arrestati B’Rabta Ma’ Traffikar Tad-Droga – Wieħed Minnhom Prova Jirreżisti U Weġġgħu Żewġ Pulizija

Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara, flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), arrestaw żewġ żgħażagħ wara li nstabu fil-pussess ta’ droga, f’ċirkostanzi li juri li kienet lesta biex tinbiegħ.

Ilbieraħ, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li żewġ persuni suspettużi qabżu l-grada ta’ kunvent li jinsab fi Triq Notabile, Birkirkara. Il-Pulizija tar-RIU marru minnufih fuq il-post u kif waslu, raw vettura b’żewġt żgħażagħ fiha taħrab minn fuq il-post. Din qajmet suspett, ġiet segwita u twaqfet fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera.

Saret tfittxija fil-karozza u instabu sustanzi suspettati kokaina u eroina, oġġetti relatati mal-użu tad-droga u kif ukoll sikkina. Mas-sejba, il-Pulizija infurmat liż-żgħażagħ li kienu taħt arrest, iżda wieħed minnhom ipprova jirreżisti bil-konsegwenza li weggħu żewġ Pulizija, b’wieħed minnhom ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u l-ieħor bi ġrieħi ħfief.

Iż-żewġ żgħażagħ ġew skortati lejn l-Għassa ta’ Birkirkara fejn irriżulta li għandhom 20 u 18-il sena, it-tnejn residenti Ħal Qormi. Fl-Għassa, saret tfittxija fuqhom u fuq wieħed minnhom instabet izjed droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Birkirkara għadhom għaddejjn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com