Art Tal-Gvern Trasferita Lil Puttinu Cares U Lil Richmond Foundation
Il-Prim Ministru Robert Abela ppresieda ftehim li se jkun qed jittrasferixxi art tal-gvern fil-Mosta lil Puttinu Cares u lill-Fondazzjoni Richmond biex ikunu jistgħu jwettqu żewġ proġetti li se jissarrfu f’servizz aqwa lill-familji Maltin u Għawdxin.
It-trasferiment tal-art se jwitti t-triq biex il-Fondazzjoni Richmond jkollha binja li minnha toffri servizzi komunitarji ta’ saħħa mentali għal żgħażagħ bejn l-14 u l-24 sena. Għal Puttinu Cares, din l-art se tfisser proġett li minnu se jkunu jistgħu joffru servizz aktar ħolistiku lill-pazjenti li jiġu bżonn is-servizzi ta’ Puttinu, qabel, waqt u anke wara li tintemm il-kura.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li, “Il-preġju ta’ dan il-ftehim imur lil hinn mill-iffirmar innifsu, iżda huwa investiment ieħor fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. F’mumenti ta’ sfida, irridu li kull familja jkollha ambjent fejn tagħti sostenn lil xulxin. F’Malta li rridu, fil-mument tal-bżonn, il-familji jsibu gvern bir-riżorsi li jista’ jsostni organizzazzjonijiet bħal Puttinu u bħal Richmond biex ikomplu jwettqu l-ġid”.
Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet jipprovdu s-servizzi tagħhom mingħajr ħlas lil kull min ikun jeħtieġ, għalhekk jiddependu minn għajnuna governattiva u minn ġbir ta’ fondi li jwettqu sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom. Għalhekk, l-Awtorità tal-Artijiet identifikat żewġ siti li jistgħu jakkomodaw lil dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet fil-missjoni tagħhom.
L-iffirmar ġie ppresedut ukoll mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri li qal li, “Iż-żewġ organizzazzjonijiet determinati li jkomplu jsaħħu s-servizzi tagħhom u għaldaqstant wara li ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom rajna kif bħala gvern, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet, naħdmu biex tkun identifikata art tal-gvern li tista’ tkun żviluppata b’mod li jestendu l-operat tagħhom u sussegwentament il-kontribuzzjoni tagħhom lejn iċ-ċittadini li jfittxu s-servizzi tagħhom. Dan hu li nfissru meta ngħidu awtorità viċin in-nies.”
Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri, spjegat li, “Din is-sena Puttinu għalaq 20 sena minn mindu ġie mwaqqaf. Wara dawn is-snin kollha, issa nistgħu ngħidu li Puttinu se jkollu premises uffiċjali. L-iskop ta’ din l-art se jkun li nibnu binja li tkun tista’ tagħti dinjità ħolistika lill-pazjenti u lill-familja tagħhom. B’hekk inkunu nistgħu nimxu t-triq kollha mal-pazjenti u mal-familji tagħhom.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephania Dimech Sant qalet li, “Is-saħħa mentali qed tiġi rikonoxxuta dejjem aktar bħala pilastru importanti fil-ħajja tal-bniedem u għalhekk f’kull aspett tas-soċjetà, inklużi l-familja u l-ekonomija. Permezz ta’ din l-art, fejn se nagħmlu ċentru għas-saħħa mentali, Richmond tista’ tinvesti għall-futur sabiex tkompli tilqa’ għall-bżonnijiet tas-saħħa mentali tas-soċjetà Maltija. B’mod speċjali, se niffukaw fuq servizzi għaż-żgħażagħ sabiex inħarsu s-saħħa mentali tagħhom u jsiru interventi minn kmieni meta jibdew jidhru xi problemi. B’hekk nissalvagwardjaw is-saħħa mentali tagħhom u ninvestu fi kwalità ta’ ħajja tajba”.
Ritratti: DOI