Bernard Grech Iwiegħed Li Gvern Nazzjonalista Se Jkun Wara L-Għaqdiet Tal-Festi U L-Każini Tal-Banda
F’mass rally fil-Padiljun ta’ Kordin, il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jgħin lill-festi, id-drawwiet, l-volontarjat u l-artiġjanat Malti b’miżuri li jerġa’ jqajjem l-għaqdiet fuq saqajhom wara l-pandemija.
Bernard Grech f’messaġġ imqanqal qal li l-PN se jkun qed jgħin lid-dilettanti tal-festi billi jħallas diversi servizzi governattivi l-gvern stess.
“Jekk ittuna l-fiduċja, il-ħlasijiet kollha ta’ permessi, u spejjeż ta’ Pulizija, LESA, Trasport Malta, Fire Engines kif ukoll il-kera tal-meters tad-dawl relatati ma’ għaqdiet u mal-festi ser jibdew jiġu eżentati, biex insostnu lil dawn l-għaqdiet u każini li huma l-benniena tal-arti, il-mużika u l-kultura li għandna fil-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna.”
Il-Kap Nazzjonalista wiegħed ukoll li jagħti rifużjoni b’vouchers fuq l-ispejjeż tal-assigurazzjoni li tinħareġ fuq l-armar u n-nar. Dan fost proposti oħra li l-PN qed jipproponi għall-NGOs.
B’reazzjoni għal dan l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tagħha qalet li qed tilqa’ b’sodisfazzjon dawn il-proposti.
“Illum Dr Bernard Grech, il-Kap tal-PN qed jgħarraf l-importanza tal-festi u l-każini tal-banda u wiegħed li ser jgħinhom fil-ħidma tagħhom biex il-festi Maltin jibqgħu l-benniena tal-kultura Maltija. Inħarsu l-quddiem b’ottimiżmu sabiex dawn il-proposti għall-ġid tal-Festi u l-Għaqdiet Mużikali Maltin u Għawdxin jitwettqu.”