“Bi Gvern Laburista L-Ħaddiem Ikollu Paga Aħjar, B’Inqas Taxxa” – Il-PL
“Il-Partit Nazzjonalista b’dak li qed iwiegħed, lil 96% tal-ħaddiema li jaqgħilu inqas minn €60,000 se jkun qiegħed jeħdilhom il-flus sabiex ikun jista’ jqassam dawk il-flus lil 4% oħra tal-ħaddiema”.
Hekk spjega l-Ministru Clyde Caruana flimkien mad-Deputat Andy Ellul f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega kif Gvern Laburista bil-proposti li qed iressaq se jħalli aktar flus fil-but ta’ kulħadd, filwaqt li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jnaqqru mill-but tal-ħaddiem.
Il-Ministru Caruana qal li l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li jnaqqas ir-rata ta’ taxxa għal dawk li jaqilgħu aktar minn €60,000 u nizzilha minn 35% għal 25%, se tiswa €21 miljun li se jġibhom miċ-ċekkijiet li Gvern Laburista jagħti lill-familji.
“Bi Gvern Laburista l-ħaddiem ikollu paga aħjar, b’inqas taxxa. Magħna tafu fejn qegħdin, għall-kuntrarju, mal-Partit Nazzjonalista mhux talli ma nafux x’se jieħu il-ħaddiem, talli nafu x’se jeħodlok”, stqarr id-Deputat Laburista Andy Ellul.
Huwa spjega li Gvern Laburista kull sena mill-2013 ’l hawn, naqqas il-piż tal-income tax u qed iressaq proposti li komplu jnaqqsu dan il-piz. Dan wassal biex il-ħaddiema f’pajjiżna huma dawk fl-Ewropa bl-anqas piż ta’ taxxi diretti.