Bil-Filmat: Qatt Tlajt Fuq L-Għolja Ta’ Għammar F’Għawdex?
L-Avventura għal din il-ġimgħa ma’ Angelo Caruana ser toħodna fil-gżira Għawdxija fejn minn quddiem is-Santwarju ta’ Pinu ser naqbdu t-telgħa sabiex nilħqu il-quċċata ta’ dik li hi msejjħa l-Għolja ta’ Għammar.
Matul dan il-vjaġġ wieħed isib l-14-il stazzjon li jirrappreżentaw il-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Dawn l-istatwi minquxa fl-irħam jidher li tpoġġew fil-bidu tas-snin tmenin u nħadmu f’Pietra Santa fl-Italja fuq disinn tas-Sur Alfred Camilleri Cauchi.
Waqt dan il-vjaġġ ta’ devozzjoni wieħed jista’ jammira wkoll is-sbuħija tal-madwar tal-gżira Għawdxija speċjalment bħalissa peress li ħafna mill-għelieqi u l-madwar jinsabu miksija bl-aħdar tal-prodotti tal-biedja u ħaxix selvaġġ.
Min hawn fuq ukoll wieħed jista’ jgawdi b’mod faċli il-veduta tal-Fanal tal-Ġordan.
Fil-quċċata ta’ din l-għolja wieħed isib ukoll anfiteatru kbir li jista’ jospita numru ta’ persuni b’artal fin-nofs. Kull sena, waqt wieħed mill-Ħdud tar-Randan, isir pellegrinaġġ matul dan il-passaġġ. Esperjenza li wieħed għandu jagħmel speċjalment bħalissa f’dan iż-żmien tar-Randan.
Ara l-filmat: