Ċans Sal-Lum F’Nofsinhar Biex Tiġbor Il-Vot Mill-Għassa – Fadal Eluf Ta’ Voti Mhux Miġbura
Fadal l-aħħar ftit sigħat biex jekk għadek ma ġbartx id-dokument tal-vot tiegħek, tagħmel dan sal-lum f’nofsinhar mill-għassa jew il-kunsill lokali tal-belt jew raħal tiegħek.
Sal-Ġimgħa filgħaxija kien għad fadal madwar 32,000 dokument tal-vot li kienu għadhom ma nġabrux.
Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar id-dokumenti jinġabru mill-għassa tal-Qawra, u f’Marsaskala d-dokumenti jinġabru mill-Iskola Primarja tal-Gvern, San Ġwakkin.
Fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Il-Birgu, Il-Fontana, Ħal Għargħur, L-Għasri, L-Iklin, Il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Il-Mellieħa, Pembroke, Ta’ Xbiex u x-Xgħajra, id-dokumenti jinġabru mill-uffiċċju tal-kunsill lokali fl-istess ġranet u ħinijiet.
Kull persuna trid turi l-karta tal-identità. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat.
Kull votant għandu jkun żgur li jkollu d-dokument għall-votazzjoni għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota.
Ritratt: TVM