“Dan Hu Vjaġġ Fejn Ma Nkunux Wasalna Qabel Kull Ċittadin Iħossu Apprezzat U Rispettat” – Il-PM Robert Abela
“Malta Flimkien ma kienitx sempliċi għajta ta’ kampanja elettorali. Malta Flimkien huwa l-mod li bih irrid immexxi fl-ewwel mandat li tani l-poplu Għawdxi u Malti biex inservih bħala Prim Ministru.”
Dan kien il-messaġġ li beda bih fl-ewwel indirizz tiegħu lin-nazzjon ilbieraħ filgħaxija, l-Prim Ministru Robert Abela wara li ngħata l-ġurament tal-ħatra mill-President.
Huwa qal li jħossu mċekken bil-vot b’saħħtu ta’ fiduċja li ngħata, wara perjodu li matulu l-pajjiż, bħall-bqija tad-dinja, iffaċċja numru ta’ sfidi.
“Issa naspira li bl-għażla ta’ nhar is-Sibt, Malta tidħol għal fażi ġdida,” tenna Dr Robert Abela.
Huwa kompla jgħid li dwar il-pandemija, filwaqt li se jibqa’ jfittex il-pariri tal-esperti, il-gvern se jkompli fit-triq biex jitneħħew għal kollox ir-restrizzjonijiet. “Irridu naslu f’mument fejn kemm jista’ jkun, nadottaw l-istil fejn tkun l-għażla personali tal-individwu dwar kif jemmen li hu l-aħjar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu,” saħaq il-Prim Ministru.
Fost l-oħrajn semma wkoll li se jestendi l-id tal-ħbiberija lill-Oppożizzjoni, se jkun qed jikkonsulta iktar mal-imsieħba soċjali waqt li se jagħti iktar widen lil min ma riedx jivvota fl-elezzjoni ġenerali.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li bil-vot tas-Sibt li għadda qed jaspira li Malta tidħol f’fażi ġdida fl-ambitu tal-ambjent, l-ekonomija, l-edukazzjoni u l-kwalità ta’ ħajja, biex fi kliemu titwettaq ir-rieda tal-poplu
“Dan hu vjaġġ fejn ma nkunux wasalna qabel kull ċittadin iħossu apprezzat u rispettat. Din se tkun l-attitudni tal-gvern immexxi minni fil-ħames snin li ġejjin,” tenna Dr Abela.
Huwa qal li legalment il-ġurament li ħa huwa ħalfa fuq il-kostituzzjoni, “imma f’qalbi u f’moħħi huwa l-kelma li għamilt magħkom, li tajt lilkom, biex immexxi għalikom,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.