Dr Robert Abela Jinħatar Prim Ministru Ta’ Malta Għall-Ħames Snin Li Ġejjin
Kien għall-ħabta tal-11:20am xħin Dr Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru ta’ Malta għall-ħames snin li ġejjin, mill-President ta’ Malta George Vella fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, il-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti u l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler.
Din iċ-ċerimonja saret fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Palazz tal-President li għadu kemm ġie restawrat, fil-Belt Valletta, ħdejn martu Lydia u bintu Giorgia Mae. Dr Robert Abela ħa l-ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni Maltija u lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Robert Abela fl-età ta’ 44 sena hu l-14-il persuna li okkupa l-kariga ta’ Kap tal-Gvern sa mill-għoti tal-Kostituzzjoni ta’ gvern responsabbli fl-1921 u issa ser ikun qed imexxi l-gvern tal-14-il leġislatura mill-Indipendenza ‘l quddiem.
Bħalma hi t-tradizzjoni, il-Prim Ministru ħareġ isellem lill-folla mill-gallarija tal-Palazz fejn intlaqa’ minn eluf ta’ Maltin u Għawdxin li assistew għal din l-okkażjoni.