Estiż Bi Tliet Xhur Il-Perjodu Tal-Iffirmar Tal-Kuntratt Tal-Miżura Tat-Tnaqqis Fit-Taxxa Fuq Xiri U Bejgħ Ta’ Proprjetà

 Estiż Bi Tliet Xhur Il-Perjodu Tal-Iffirmar Tal-Kuntratt Tal-Miżura Tat-Tnaqqis Fit-Taxxa Fuq Xiri U Bejgħ Ta’ Proprjetà

Matul l-2021, bejjiegħa u xerrejja ta’ proprjetà frankaw bejniethom €151 miljun f’taxxa.

“Sal-aħħar ta’ Diċembru 2021, kull min kien qed jixtri proprjetà u rreġistra l-konvenju seta’ jibbenefika minn rata preferenzjali ta’ 1.5% tat-taxxa tal-Boll jekk wieħed jiffirma l-kuntratt tiegħu sal-aħħar ta’ Ġunju. Dan il-perjodu qed jiġi estiż bi tliet xhur oħra sal-aħħar ta’ Settembru sabiex nagħmluha aktar faċli lill-familji biex jibbenefikaw minn din il-miżura.” Qal dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isla.

Il-Ministru Caruana spjega li bħalissa hemm 8,615-il konvenju rreġistrati u li qegħdin fil-proċess sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt tal-proprjetà u jibbenefikaw minn din il-miżura. Wara li l-Gvern sema’ s-suġġerimenti tan-nutara, tal-banek u ta’ diversi nies li qed jixtru u jbiegħu l-propjetà, ġie deċiż li l-perjodu ta’ sitt xhur sabiex jiġi ffirmat il-kuntratt jiġi estiż bi tliet xhur oħra sal-aħħar ta’ Settembru 2022. Dan sabiex il-Gvern jagħti iktar ċans lil dawk kollha li qegħdin f’dan il-proċess ilestu r-riċerki tagħhom u jibbenefikaw mit-traħħis fit-taxxa. Il-valur ta’ dawn il-propjetajiet ilaħħaq il-€1.7 biljun u bejniethom se jiffrankaw mal-€50 miljun f’taxxa.

Il-Ministru spjega wkoll kif matul is-sena 2021 saru 26,600 kuntratt ta’ proprjetà li bejniethom ammontaw għal €5.1 biljun fi tranżazzjonijiet. B’kollox dawn il-bejjiegħa u x-xerrejja frankaw mal-€151 miljun f’taxxa.

Il-Ministru Caruana ta rendikont ukoll ta’ miżura oħra mħabbra fil-Budget dik tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-Capital Gains u t-taxxa tal-Boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz ta’ proprjetà li tkun ilha mibnija għal aktar minn 20 sena u ilha vakanti għal aktar minn 7 snin u proprjetà li tinsab f’UCA.

Mill-iskema tal-propjetajiet li jinsabu f’UCA, sa issa bbenefikaw 250 bejjiegħ u 96 xerrej li bejniethom frankaw mat-€2.7 miljun filwaqt li mill-iskema tal-proprjetajiet li jinsabu vakanti s’issa bbenefikaw 40 bejjiegħ u 7 xerrejja u bejniethom frankaw mal-€100,000. Il-valur ta’ dawn il-propjetajiet jaqbeż it-€23 miljun.

Il-Ministru fakkar ukoll li barra dan kollu, wieħed jista’ jibbenefika minn skemi oħra bħal għotjiet sa €30,000 lill-First Time Buyer, kif ukoll l-għotja tal-valur tal-VAT imħallas fuq restawr jew irfinar sa massimu ta’ €54,000.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com