Evarist Bartolo U José Herrera Mhux Eletti – Jgħidu Li Wara Dawn Is-Snin Kollha Fil-Parlament Se Jkunu…
“Issa li ma ġejtx elett fil-Parlament jibda staġun ġdid f’ħajti. Kull staġun fih is-sabiħ tiegħu.”
Hekk qal dalgħodu Evarist Bartolo f’messaġġ li kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu wara li ma ġiex elett fil-Parlament f’din l-elezzjoni ġenerali.
Huwa awgura lil dawk kollha li ġew eletti u li se jkunu qed “iservu l-poplu tagħna għas-snin li ġejjin.”
Evarist Bartolo qal li pajjiżna se jkun qed jiffaċċja sfidi kbar li qed tiffaċċja d-dinja kollha bl-effetti tal-pandemija, il-kriżi tal-klima u tal-gwerra fl-Ukraina.
Huwa kompla jgħid li pajjiżna għandu bżonn Gvern tajjeb, Oppożizzjoni tajba u s-sehem sħiħ tas-setturi differenti tal-poplu biex il-gżejjer tagħna jimxu ‘l quddiem għall-ġid ta’ Malta u lill-hinn minnha.
“Ngħid grazzi kbira lil dawk kollha li appoġġawni b’xi mod jew ieħor u lil dawk kollha li ħdimna flimkien fit-30 sena li għaddew li tulhom ippruvajt inservi lill-poplu tagħna,” temm jgħid Evarist Bartolo fil-messaġġ tiegħu.
Intant José Herrera wkoll ma kienx elett, u f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li “wasal il-mument li nirtira mix-xena politika.”
José Herrera fil-messaġġ tiegħu rringrazzja lil dawk kollha li tawh il-fiduċja tul dawn l-aħħar sitt leġiżlaturi.
“Kull bidu fih it-tmiem. Grazzi kbira tmur lil dawk kollha li ħadmu miegħi matul is-snin sabiex ħdimna għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid José Herrera.