“F’Jum Il-Mara, Niċċelebraw Il-Kisbiet Tan-Nisa Matul Is-Snin, Iżda Aktar Minn Hekk Nirrikonoxxu Fejn Għad Baqa’ Naħdmu Iktar” – Il-Ministru Owen Bonniċi
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni tella’ business breakfast fejn ġew diskussi diversi temi li jolqtu n-nisa tal-lum f’pajjiżna, bis-sehem ta’ diversi stakeholders.
Fost it-temi li ġew diskussi kien hemm ix-xogħol u l-emanċipazzjoni tal-mara, in-nisa involuti fl-oqsma tax-xjenzi, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici saħaq li dan il-jum għandu jservi biex, mhux biss niċċelebraw il-kisbiet tan-nisa matul is-snin, iżda aktar minn hekk biex nirrikonoxxu fejn għad baqa’ nuqqasijiet u fejn għad irridu naħdmu iktar.
Fost l-oħrajn, il-Ministru Owen Bonnici semma l-miżuri tant importanti li ħa l-gvern fl-aħħar snin biex jixpruna lin-nisa li jixtiequ jaħdmu. “Permezz ta’ dawn il-miżuri, rajna żieda sostanzjali fin-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol. Miżuri bħalma huma ċ-childcare b’xejn u Klabb 3-16 kienu indispensabbli għal ħafna nisa f’pajjiżna biex jiksbu indipendenza finanzjarja li mbagħad tiftħilhom il-bibien għal kwalità ta’ ħajja aħjar għalihom u anke għal uliedhom.”
Il-Ministru faħħar sehem in-nisa fl-oqsma STEM, li dejjem qed jiżdied, u sostna li l-gvern se jibqa’ kommess li jkompli jżid l-opportunitajiet f’dawn l-oqsma importanti għal pajjiżna. “Darba wara l-oħra l-istorja wriet li n-nisa taw kontribut sostanzjali f’dawn l-oqsma u allura aħna determinati li ma nħallu l-ebda sterjotipi jżommu lura lil persuna jew oħra milli tilħaq il-potenzjal kollu tagħha,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru kkonkluda billi semma x-xogħol siewi li qed isir biex jitqajjem iżjed għarfien dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u saħaq li ma baqalha l-ebda lok f’pajjiżna. Semma wkoll l-emendi li ġew proposti fil-liġi rigward il-femiċidju u spjega li dawn għandhom iservu wkoll biex ikomplu jgħinu jġibu bidla fil-mentalitajiet patrijarkali antikwati li għad baqa’ f’pajjiżna.
Huwa sellem il-memorja ta’ Rita Ellul u fakkar li ma jiswa xejn li jkollna Jum il-Mara jekk jibqa’ jkollna dawn it-tip ta’ traġedji li jkomplu jivvittimizzaw in-nisa għax huma nisa.
Ritratti: DOI