“Fl-Aħħar Sentejn Kelli L-Opportunità Li Nitgħallem Inpoġġi Lill-Alla Fiċ-Ċentru Ta’ Ħajti” – Konrad Mizzi

 “Fl-Aħħar Sentejn Kelli L-Opportunità Li Nitgħallem Inpoġġi Lill-Alla Fiċ-Ċentru Ta’ Ħajti” – Konrad Mizzi

“Tul dawn l-aħħar sentejn kelli l-opportunità li nitgħallem inpoġġi lill-Alla fiċ-ċentru ta’ ħajti. Din hija ħaġa sabiħa li tagħtini l-paċi. Nawgura li aktar u aktar nies jersqu lejn l-fidi.”

Dan qalu l-eks Deputat Laburista Konrad Mizzi f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu hekk kif ġie fi tmiem t-terminu Parlamentari tiegħu.

Huwa qal li jinsab grat tal-opportunità li ngħata biex ikun ta’ servizz lejn il-pajjiż. “Kienet esperjenza sabiħa li ġabret fiha 9 snin ta’ ħidma, ta’ riżultati, ta’ diffikultajiet u ta’ tagħlim,” tenna Mizzi.

Konrad Mizzi qal li huwa kburi bir-riżultati li ġab fl-ekonomija, fosthom bit-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija, trasformazzjoni fil-maniġment tas-saħħa u proġetti fis-settur turistiku.

“Żgur li kelli ħafna attakki tul dawn is-snin, iżda l-appoġġ tan-nies għeni biex nibqa’ għaddej. Ċert li biż-żmien il-verità kollha toħroġ. Ma żammejt rabja lejn ħadd u nixtieq il-ġid lill-kullħadd,” saħaq Konrad Mizzi.

Huwa sostna li l-Partit Laburista ser ikun fuq quddiem nett bi proġetti ġodda u ambizzjużi fis-settur ambjentali, trasport, investiment, ġustizzja soċjali, tnaqqis ta’ burokrazija u opportunitajiet indaqs għal kullħadd.

Mizzi rringrazzja lit-tim ta’ nies li ħadem magħhom, segretarjat, iċ-ċivil, entitajiet, stakeholders, settur privat u volontarju. Irringrazzja wkoll lill-kostitwenti li wrew fiduċja fih u fix-xogħol li wettaq il-Gvern Laburista. “Fuq kollox, nirringrazzja lill-familja,” tenna Konrad Mizzi.

Huwa temm jgħid li għalkemm mhux ser inkun fil-Parlament, “żgur li ser nibqa’ nissapportja kawżi ġusti u, nwiegħed li ser nibqa’ dejjem viċin in-nies.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com