Fl-Aħħar Stħarriġ Tiegħu Qabel L-Elezzjoni Dr Marmarà Jgħid Li L-Partit Laburista Se Jirbaħ L-Elezzjoni B’39,000 Vot
Jumejn biss ’il bogħod mill-Elezzjoni Ġenerali, dalgħodu l-istatistiku Dr Vincent Marmarà ppubblika l-aħħar survey xjentifiku tiegħu għal din il-kampanja elettorali.
Dr Marmarà fl-istħarriġ tiegħu qed jgħid li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 13.1% favur il-Partit Laburista.
Jekk wieħed jikkunsidra turnout ta’ 88% kif ukoll il-voti validi minn dawk mitfugħa fl-elezzjoni ġenerali, dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 39,000 vot favur il-Partit Laburista.
Dan ir-riżultat huwa dipendenti mit-turn out u dan in-numru jista’ jvarja skont kemm imorru jivvutaw nies.
Meta mistoqsija lil liema partit ser jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, 55.9% wieġbu Partit Laburista, waqt li 42.8% qalu li ser jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.3% tal-elettorat.
Dan l-istħarriġ sar bejn it-18 ta’ Marzu u t-23 ta’ Marzu, b’kampjun ta’ 1,800 persuna, b’margin of error ta’ +/- 2.3%.