Ftehim Bejn Il-Ministeru Għal Għawdex U L-Kooperattiva Gozitano Agri Coop Sabiex Is-Sit Magħruf Bħala Gozitano Jiġi Riġenerat
Ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kooperattiva Gozitano Agri Coop se jkun qed jgħin fir-riġenerazzjoni tal-Gozo Agricultural Village, magħruf aħjar bħala l-Gozitano, li jinsab fil-limiti tax-Xewkija.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jirriġenera sit mifrux fuq 11,000 metru kwadru ta’ art, li diġà hi kommessa, bl-għan li jsir użu aħjar tal-ġonna li bħalissa huma abbandunati u biex jipprovdu spazji ħodor miftuħa, siguri u aċċessibbli għall-pubbliku. Dan filwaqt li spazji li bħalissa m’għandhomx użu se jinbidlu f’ċentri ta’ tagħlim dwar wirt kulinari ta’ Għawdex biex jitkattar aktar għarfien mal-pubbliku.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq li ftehim bħal dan jikkonferma l-impenn tal-gvern biex aktar spazji urbani jinbidlu f’żoni miftuħa u siguri għall-familji, hekk kif qed jiġi imwiegħed. “Kommessi li ninvestu €700 miljun fis-snin li ġejjin biex noħolqu aktar spazji ħodor, miftuħa, siguri u aċċessibbli għall-pubbliku. Għandna proġett ambizzjuż għall-Belt Victoria, fejn il-parkeġġ eżistenti se jinbidel f’multi-level parking u spazju miftuħ fuq. B’hekk, inkunu qed nestendu l-Ġonna ta’ Villa Rundle u nagħtu pulmun aħdar akbar lil Għawdex tagħna,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri fakkar ukoll fil-wegħda tal-gvern lin-negozji, fejn dawn se jingħataw għotja ta’ 30% tal-investiment li jsir fuq kapital fiss, fejn fil-każ ta’ Għawdex din se tiżdied b’10%.
L-Avukat Joseph Grech, Manager tal-Kooperattiva Gozitano Agri Coop, tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett għall-gżira ta’ Għawdex. Fakkar kif għal snin sħaħ il-Kooperattiva Gozitano, li twieldet fis-snin sittin, kienet strumentali għall-bdiewa Għawdxin u għall-progress fil-qasam agrikolu f’Għawdex.
Permezz ta’ dan il-proġett se tkun qed titwettaq strategija ta’ Farm to Fork in linea mal-Politika Agrikola Komuni, fejn il-pubbliku se jkun jista’ jibbenefika minn spazji ġodda miftuħin, parkeġġ aħjar, ġonna u spazji ta’ rikreazzjoni għall-familji kollha.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ukoll lill-inkwilini li joperaw min dan l-istess kumpless, fejn fil-maġġoranza tagħhom huma involuti fi prodotti agroelimentari. Waqt din l-istess żjara, tħabbar kif l-ażjenda Gozo Cottage qed tinvesti madwar €2 miljun f’makkinarju ġdid u modern sabiex tkun f’pożizzjoni li tipproduċi aktar prodotti agroelimentari fil-futur.
Fil-kumpless Gozitano preżentement għaddejja attività ekonomika minn madwar tnax-il inkwilin li joffru diversi servizzi, li jvarjaw minn prodozzjoni ta’ prodotti tal-ikel artiġjanli kif ukoll servizzi anċillari. Dawn joffru impjieg dirett lil 150 ruħ waqt li 500 bidwi Għawdxi joffru l-prodotti agrikoli tagħhom lil dawn il-produtturi varji.
Ritratti: DOI