Ġie Mniedi l-Proġett ‘Culture On Wheels’ – Ħarġiet Kulturali Għal Persuni Fis-Siġġu Tar-Roti Minn ALS Malta+
It-telfa ta’ Joe Debono ħasdet lil kulħadd is-sena l-oħra. Joe sfortunatament ħalliena fis-27 ta’ Ottubru 2021 minħabba l-kundizzjoni ta’ l-ALS. Joe Debono, li kien magħruf għall-karattru satiriku ta’ James Bondin li kien jinterpreta waqt il-programm Xarabank fuq Television Malta u kien ukoll gwida tat-turisti, baqa’ jaħdem sal-aħħar biex jgħin u jferraħ lil ħaddieħor. Ried li jagħmilha aktar faċli għall-persuni li għandhom diffikultà ta’ mobbiltà sabiex iżuru postijiet kulturali fil-gżejjer Maltin.
Joe kellu żewġ xewqat partikolari. L-ewwel li jikteb it-tieni novella tiegħu li bis-saħħa ta’ eyegaze device li ingħata minn ALS Malta+ saret possibbli. It-tieni xewqa kien l-proġett ‘Culture on Wheels’.
B’dan il-proġett ‘Culture on Wheels’, Joe ħaseb sabiex jorganizza tours u jipprovdi servizzi bħal trasport, wheelchairs, u carers, u jkun hu l-gwida minn fuq is-siġġu tar-roti. Iżda sfortunatament dan ma setax iseħħ. Għalkemm Joe mexxa l-proġett sakemm beda’, bis-saħħa ta’ sħabu dan il-proġett seta’ jitkompla. Dan ser ikun servizz li ser jingħata b’xejn lil persuni ta’ kull età li qegħdin f’ wheelchair minħabba mard, anzjanità jew korriment. L-ewwel vjaġġ bi prova sar is-sena l-oħra meta Joe Debono kien għadu magħna. Fit-18 ta’ Settembru ftit jiem qabel il-maratona, r-residenti ta’ DAR Bjorn kienu l-ewwel nies li attendew vjaġġ ma’ Joe Debono fil-Belt Valletta. Nistgħu ngħidu li kien vjaġġ suċċess.
Proprju xahrejn biss il-bogħod minn għeluq snin Joe, Illum il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu 2022, l-ALS Malta+ varat uffiċċjalment l-proġett ‘Culture on Wheels’. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-‘Malta Council for the Voluntary Organisations’ taħt l-iskema VOPs.
Waqt l-attività li ġiet organizzata ġewwa l-Imdina, ingħata ġieħ mistħoqq lil Joe Debono, fejn il-familja u ħbieb ta’ Joe tkellmu dwar ir-rieda li kellu li jkompli jgħin lil ħaddieħor għalkemm fis-siġġu tar-roti, u dwar l-benefiċċji ta’ dan il-proġett innovattiv għal Malta.
Bjorn Formosa, l-fundatur ta’ ALS Malta+, semma kemm hu kburi b’dan is-servizz ġdid li qed jingħata fil-komunità, u saħaq dwar il-bżonn li l-ALS Malta+ tibqa’ tiġi mejjgħuna sabiex tkompli ttejjeb il-ħajja ta’ persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ l-ALS jew kundizzjonijiet oħrajn simili li jfixklu l-moviment tal-persuna. Bjorn fakkar ukoll fil-maratona li ser issir fil-25 ta’ Settembru (sitt xhur oħra) biex jinġabru flus ħalli proġetti bħal dawn ikunu jistgħu jsiru.