Ġuvni Ta’ 22 Sena Jweġġa’ Serjament Wara Li Tilef Il-Kontroll Tal-Karozza
Żagħżugħ ta’ 22 sena min-Naxxar sofra ġrieħi serji wara li tilef il-kontroll tal-karozza u ħabat f’ħajt.
L-aċċident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-3:30am, fi Triq Reġjonali, Santa Venera.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-vittma, tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq, tat-tip Mazda Demio, b’konsegwenza li ħabat f’ħajt u ma’ xi strutturi tat-triq.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.