Gvern Nazzjonalista Fi Żmien Ħames Snin Jibni Sistema Ta’ Trackless Tram Bi Spiża Ta’ €2.8 Biljun
“Gvern Nazzjonalista se jkun qed jintroduċi sistema ta’ Trackless Tram li tagħtina l-istess vantaġġi daqs metrò, imma bi frazzjoni tal-ispiża u l-inkonvenjent.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar it-trasport u l-mobbiltà.
Bernard Grech qal li l-Labour qed jagħti wegħda li titwettaq għoxrin sena oħra. Gvern Nazzjonalista jintrabat bi proposta li titwettaq tul leġiżlatura waħda.
Din is-sistema ta’ trasport tal-massa mingħajr binarji hija waħda tal-aħħar teknoloġija. Din tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji permezz ta’ korsiji reservati.
Permezz ta’ użu aħjar u aktar għaqli tal-ispazju tat-toroq, se jiġi żgurat li din is-sistema tkun veloċi u effiċjenti.
Il-Kap tal-PN spjega li b’mod parallel se tkun implimentata sistema ta’ trasport pubbliku li tuża karozzi tal-linja jew tipi oħra ta’ vetturi biex tiżgura konnessjonijiet akbar bejn żoni residenzjali, ċentri tal-impjiegi, portijiet u ċentri importanti oħra għal ma’ din is-sistema ta’ transitu tal-massa. Id-daqs u t-tip ta’ vettura użata għal dawn is-servizzi se jiġu ddeterminati mill-kuntest u l-użu u billi jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-passiġġieri.
Is-sistema ta’ trasport tal-massa ser tipprovdi alternattiva raġonevoli, tanġibbli u effettiva għall-vettura privata u fl-istess ħin tiżgura li l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta ssir fi żmien ftit xhur billi inizzjalment jiġu indirizzati l-prijoritajiet tar-rotot kollha u s-sinjali neċessarji biex progressivament tiġi ntrodotta is-sistema li qed tiġi proposta.
Din is-sistema se żżid il-kapaċità tat-toroq billi aktar nies u servizzi se jkunu jistgħu jivjaġġaw b’inqas vetturi, u b’hekk ittejjeb il-kwalità tal-arja, il-mobilità u l-kwalità tal-ħajja ġewwa l-lokalitajiet tagħna.
Fost il-benefiċċji li għandha din is-sistema hi aktar nadifa, effiċjenti, ekonomika u kwieta. Anke fejn tidħol l-ispiża għal manutenzjoni din se tkun irħas.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech temm jgħid li l-infrastruttura, meta ppjanata bi ħsieb u skont il-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta’ soċjetà moderna, isservi ta’ mezz ewlieni li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista kommess li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu anki fejn jidħol l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, u impenjati bis-sħiħ li nwettqu fil-prattika l-idea li nħallu warajna Malta ferm aħjar milli sibnieha.