“Gvern Nazzjonalista Jagħti Lura Spazji Miftuħa Lin-Nies Bħala Pulmuni Ambjentali” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
“L-iżvilupp urban bla rażan f’dawn l-aħħar snin ħoloq pressjoni kbira fuq l-ambjent ta’ madwarna. Dan kellu impatt sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd b’detriment fuq il-fibra tal-komunitajiet tagħna. Għaldaqstant irridu niksbu u nagħtu lura spazji miftuħa lin-nies bħala pulmuni ambjentali f’żoni urbani waqt li nħarsu l-ambjent rurali.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet Ambjentali.
Bernard Grech semma kif il-Partit Nazzjonalista diġà wiegħed, li ser jagħmel eżerċizzju li kull sena l-gvern iżid 50,000 metru kwadru ta’ art pubblika maż-żoni meqjusin barra miż-żona ta’ żvilupp. Kif ukoll li sabiex art li hija barra miż-żona ta’ żvilupp tiddaħħal fiż-żoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terz tal-Parlament.
Akkumpanjat mill-Kandidati għall-elezzjoni ġenerali, Robert Cutajar, Janice Chetcuti, Alex Mangion u Karl Gouder, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn jidħlu spazji miftuħa.
Il-Kap tal-PN spjega li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jaqleb d-defeċit ħadrani fil-komunitajiet billi jitjieb l-landscaping u jkunu riġġenerati meded ta’ art mitluqa. Jkunu mnedija wkoll inizjattivi li jsaħħu landscaping ħadran fid-djar u f’żoni urbani.
Il-PN qed jipproponi wkoll li jinħoloq fond nazzjonali biex proprjetajiet u ġonna storiċi li bħalissa huma tal-privat isiru ta’ kulħadd. Dan apparti li jitwettqu proġetti ta’ parks nazzjonali f’diversi partijiet f’Malta u Għawdex intiżi biex joħolqu spazji miftuħa maġġuri għat-tgawdija tal-poplu.
Dr Bernard Grech qal ukoll li l-PN fil-gvern se jkun qed jikkonsulta mar-residenti, komunitajiet kummerċjali u mal-kunsilli lokali biex f’kull lokalità tiġi identifikata minn tal-inqas żona waħda fiċ-ċentru tal-lokalità li tinbidel f’żona pedonali li tagħti nifs importanti lil-lokalitajiet billi jonqsu l-vetturi u l-emissjonijiet, jiżdiedu l-ispazji miftuħa għall-komunità, titjieb il-kwalità tal-arja, jiġu mħawwla aktar siġar u landscaping biex jitjieb il-green score tal-lokalità.
Il-PN qed jipproponi wkoll li jinċentiva permezz ta’ tax credits lil dawk l-intrapriżi li jiffinanzjaw proġetti ta’ afforestazzjoni jew landscaping fil-lokalitá minn fejn joperaw.
Fost aktar proposti l-PN qed jgħid ukoll li flimkien mas-settur privat fil-komunitajiet isir investiment biex f’kull skola f’Malta u Għawdex jitħawlu nursery tas-siġar li tiġi indukrata mit-tfal stess, b’kull tifel u tifla jkollhom is-siġra ‘tagħhom’.