Gvern Nazzjonalista Jassigura Bilanċ Tajjeb Bejn Ix-Xogħol U L-Familja
Il-Partit Nazzjonalista huwa konxju li l-kuntest tal-familja Maltija moderna inbidel, kif inbidel ukoll il-kuntest tax-xogħol li sar iktar versatili. Dan kollu qed joħloq pressjoni fuq il-familji kollha ta’ kull tip, irrispettivament mill-forma u l-ġeneru tagħhom, biex ilaħqu max-xogħol, l-impenji tal-familja u d-dar, u t-trobbija tat-tfal.
Għaldaqstant irridu nimmiraw il-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll policies li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-familja, biex il-ħaddiema jingħataw aktar drittijiet u biex il-koppji jkunu jistgħu jlaħħqu max-xogħol, mal-familja, kif ukoll mad-dar.
Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta nieda sensiela ta’ proposti li jwasslu għall-Work-Life Balance.
Gvern Nazzjonalista jrid jibni qafas sod li jassigura bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-familja billi:
- Ikun estiż l-paternity leave għal missier minn ġurnata waħda għal 15-il ġurnata sabiex tibda titnaqqas id-differenza mal-maternity leave tal-omm (18-il gimgħa). Dan il-leave jitħallas kollu mill-Gvern, suġġett għal massimu stabbilit.
- Ikun introdott ħlas liż-żewg ġenituri waqt il-perjodu tal-Parental Leave: 8 ġimgħat (xahrejn) ta’ Parental Leave offrut lil kull ġenitur imħallas mill-Gvern, suġġett għal massimu stabbilit. Dan il-parental leave irid jittieħed qabel ma’ t-tifel jew it-tifla jagħlqu tmien (8) snin.
- Nagħtu lill-ġenituri self-employed maternity u paternity leave u parental leave bl-istess kundizzjonijiet ta’ ġenituri li huma mpjegati.
- Tinħoloq skema ta’ appoġġ finanzjarju għal servizzi ta’ nanny/child-minding mat-tfal, għal ġenituri ħaddiema inklużi s-self employed: Sussidju jew Tax Rebate ta’ 50% ta’ l-ispiża għal użu ta’ servizzi ta’ nanny fid-dar, għal familja b’ġenitur/i li jaħdmu.
- Is-sick leave tal-ġenituri jkun jista’ jintuża wkoll fiċ-ċirkostanza li t-tfal tagħhom ikunu ma’ jifilħux jew ikollhom xi inċident li jitlob il-preżenza tagħhom.
- Jingħata sussidju jew tax rebate għal għajnuna fix-xogħol tad-dar. Din l-iskema tapplika per household fejn hemm żewġ ġenituri li jaħdmu fejn hemm ġenituri bi tfal taħt it-12 il-sena fil-household, kif ukoll għal ġenituri kollha li għandhom tfal b’diżabilita’.
- Lill-ħaddiema kollha jingħatalhom id-dritt li jitolbu għal temporal flexibility fir-rigward ta’ x’ħin jibdew u x’ħin jispiċċaw, b’arranġament ma’ min iħaddem, u skont id-direttiva tal-Unjoni Ewropeja tal-Work Life Balance. Min iħaddem huwa obbligat li jikkunsidra dawn it-talbiet u jrid jagħti ġustifikazzjoni bil-miktub f’każ li jiġu rifjutati dawn it-talbiet.
- Jingħata d-dritt lill-impjegati kollha (mhux biss ġenituri) li jitolbu biex jaħdmu mid-dar (jew minn post ieħor) numru ta’ ġranet fil-gimgħa, kif ikun maqbul ma’ min iħaddimhom, u bil-kundizzjoni li tinżamm il-produttivita’ kif ukoll jintlaħqu l-bżonnijiet tal-klijenti.
- Jingħata tax rebate lil min iħaddem li jinvesti f’għamara ergonomika għall-ħaddiema li jaħdmu kemm mill-uffiċju kif ukoll mid-dar.
- Ikun hemm protezzjoni lill-ommijiet tqal fuq il-post tax-xogħol. Tiġi emendata il-liġi, (Protection of Maternity (Employment) Regulation (S.L.452.91)), sabiex tipprovdi protezzjoni lin-nisa tqal impjegati mill-mument li dawn jinfurmaw lil min iħaddimhom bil-miktub bit-tqala tagħhom, u ma tibqax kontinġenti fuq il-proviżjoni taċ-ċertifikat mediku għalkemm dan xorta irid jingħata lil min iħaddem.