Gvern Nazzjonalista Se Jkun Qed Jagħti Allowance Lill-Frontliners Kollha Kif Ukoll Pagi Aħjar Lill-Ħaddiema Kollha Tal-Gvern
“Pedina kruċjali huwa s-Servizz Pubbliku li fl-aħħar snin iżżarma, fejn ħafna mill-ħiliet u t-talenti li hemm fih twarrbu biex ġie miżgħud bil-persons of trust. Wegħduna l-meritokrazija u tawna nepotiżmu. Aħna ser nerġgħu nagħtu d-dinjita’ lura lis-servizz pubbliku.”
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha nieda pakkett ta’ miżuri intenzjonati għas-settur pubbliku.
Bernard Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista ddedika kapitlu sħiħ fil-viżjoni tiegħu għas-settur pubbliku kif ukoll tfassal pakkett speċjali ta’ miżuri li ġew żviluppati fil-Cluster tas-Servizz Pubbliku bil-kontribut ta’ ħafna persuni li jaħdmu fih u li għandhom għal qalbhom it-tisħiħ tiegħu.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jeleva r-riforma fis-servizz u s-settur pubbliku fuq livell ministerjali biex it-twettiq tat-trasformazzjoni jkollha l-impenn politiku fl-għola livell.
Il-PN qed iwiegħed li minflok il-miljuni li qed jitberbqu bħalissa għas-salarji eżaġerati tal-pożizzjonijiet inutli ta’ fiduċja, għan-nefqa diskrezzjonali u għad-direct orders ta’ inkarigi esterni żejda, ser nagħtu allowance lill-frontliners kollha, fosthom lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, dawk fl-oqsma soċjali, lill-edukaturi, u lill-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati bħala bonus annwali ekwivalenti għas-salarju bażiku ta’ erba’ ġimgħat tal-impjegat rispettiv. “Din il-miżura ser tiffinanzja lilha nnifsha kompletament għaliex ser tiġi ffrankata l-ħela,” tenna Dr Bernard Grech.
Huwa ħabbar ukoll li l-politika tal-outsourcing imħaddma mill-gvern ser tinbidel biex attivitajiet li huma fiċ-ċentru tal-operat tal-gvern ma’ jibqgħux ikunu sors ta’ diskriminazzjoni sponsorjata mill-gvern. “Taħt l-ebda ċirkostanza mhu ser jibqa’ jiġi aċċettat li ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol u ma’ jitħallsux fuq bażi simili. Il-kunċett ta’ equal pay for equal work ser jitħaddem l-ewwel fl-entitajiet tal-gvern biex iservi ta’ mudell.”
Il-Kap tal-PN qal li gvern Nazzjonalista se jkun qed jirrevedi u jtejjeb l-iskali tal-pagi tal-ħaddiema kollha tal-Gvern biex jirriflettu is-suq u b’hekk jattiraw l-aqwa talent fis-Servizz Pubbliku. Dan filwaqt li jkun assigurat li ma jkunx hemm dewmien żejjed fl-għeluq ta’ ftehim kollettiv fis-servizz bil-mira li ftehim kollettiv ġdid ikun konkluż 3 xhur qabel ma jiskadi.
Dr Bernard Grech qal li jekk ikun fdat bħala Prim Ministru se jkun qed jintroduċi għotja ekwivalenti għal sena paga, eżenti mit-taxxa tad-dħul, lill-ħaddiema tal-Gvern li jirtiraw. Tali pagament ikun dovut meta l-ħaddiem jilħaq l-età tal-pensjoni u dan b’rikonoxximent għax-xogħol u d-dedikazzjoni, kif ukoll sabiex kemm jista’ jkun nattiraw l-aħjar nies sabiex jibdew karriera mas-servizz Pubbliku. Din il-miżura tidħol fis-seħħ b’effett immedjat.
Il-PN qed iwiegħed ukoll performance bonus li tippremja l-produttiva u l-ħidma tal-ħaddiema kollha fis-servizz pubbliku. “Illum dan japplika biss għal numru żgħir ta’ pożizzjonijiet u għalhekk ser nestendu dan il-kunċett f’ħafna aktar gradi.”
Il-Kap tal-PN qal ukoll li se jkunu qed jissaħħu l-family friendly measures billi jkun implimentat il-pakkett ta’ inizjattivi ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol fl-ewwel sitt xhur ta’ gvern ġdid. Jissaħħu miżuri ta’ telework u remote working b’minimu ta’ ġurnata telework/remote work u massimu ta’ erbat’ ijiem. Fil-każ ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta l-minimu jkunu jumejn telework/remote work fil-ġimgħa.
Il-PN qed jipproponi wkoll li jiddaħlu l-miżuri għal flessibilta akbar fosthom l-użu ta’ aktar ġranet ta’ sick leave biex ħaddiema jieħdu ħsieb lil uliedhom ma jifilħux jew qraba anzjani morda tagħhom. Simili wkoll f’każijiet fejn ħaddiema jridu jakkumpanjaw ulied u qraba għal trattament barra minn Malta.
Dr Bernard Grech semma wkoll li gvern ġdid Nazzjonalista jippromwovi l-eżerċizzju u s-saħħa mentali permezz ta’ leave speċjali għall-attività fiżika.