Iċ-Ċkejken Beppe Jikteb It-Tieni Ktieb Tiegħu Biex Jkompli Joħloq Kuxjenza Dwar Il-Kundizzjoni Tal-Awtiżmu
Wara li s-sena l-oħra ippubblika l-ewwel ktieb tiegħu – “Il-Mawra tiegħi fl-Ispazju”, iċ-ċkejken Beppe, li llum għandu 10 snin, għadu kif ippubblika t-tieni ktieb tiegħu, “Il-Ħbieb ta’ Ġużi”.
Għalkemm għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu, b’diffikultà li jitkellem, Beppe ma jaqtax qalbu u xorta waħda jrid ikompli jsemma leħnu billi jikteb. Huwa tifel intelliġenti mmens u l-kitba qed tkompli tgħinu jiżviluppa ħalli jilħaq l-għan tiegħu li jsir awtur.
Il-ktieb il-ġdid ta’ Beppe jitratta l-ħbiberija tat-tifel Ġużi mal-bniet tal-iskola. Fil-ktieb huwa juri kif anke f’sitwazzjoni ta’ bullying, li jkollok il-ħbieb huwa importanti ħafna. L-għan tal-ktieb huwa li joħloq kuxjenza dwar xi tfisser li jkollok kundizzjoni iżda juri ukoll kif persuni li ma għandhomx kundizzjoni jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal oħrajn li għandhom. Huwa ktieb li joħroġ ċar kif inklużjoni tista’ iseħħ.
Dan il-ktieb ġie ippublikat bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu u huwa mmirat għal tfal bejn 5 u 7 snin.
Nissuġerulkom takkwistaw il-ktieb ta’ Beppe ħalli nkomplu nitgħallmu dwar id-diversità u nħeġġu lil Beppe u tfal oħra bħalu jkomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom.
Il-ktieb jista’ jinkiseb minn hawn.
Ibqa’ sejjer hekk Beppe!