Id-Dwana Taqbad Erba’ Rġiel Li Kienu Qed Iġorru Fuqhom Aktar Minn €64,000 Fl-Ajruport Ta’ Malta
Erba’ rġiel li kienu fi triqthom lejn pajjiżi oħra nqabdu mid-Dwana ta’ Malta li kienu qed iġorru total ta’ €64,967 fi flus kontanti mhux iddikjarati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Żewġ passiġġieri Maltin fi triqthom lejn it-Turkija u l-Awstralja rispettivament, instabu li kienu qed iġorru total ta’ €25,717 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Ir-raġel li kien qed jivvjaġġa lejn it-Turkija nstab li kien qed iġorr €11,280 fil-ġakketta tiegħu filwaqt li r-raġel Malti l-ieħor li kien qed jivvjaġġa lejn l-Awstralja nstab li kien qed iġorr €14,437 fi flus kontanti mhux iddikjarati.
F’każ ieħor raġel Olandiż li kien qed jivvjaġġa lejn l-Amman twaqqaf ukoll għal tfittxija. Uffiċjali tad-Dwana staqsew lill-passiġġier kemm kien qed iġorr flus kontanti li wieġeb €5,000, iżda wara tfittxija li saret fuq il-passiġġier instab li kien qed iġorr €28,700 fi flus kontanti mhux iddikjarati.
F’każ separat, il-kelb tad-Dwana Gypsy irnexxielu jxomm €10,550 fi flus kontanti mhux iddikjarati fuq passiġġier Sudaniż li kien qed jivvjaġġa lejn l-Eġittu.
L-erba’ passiġġieri kollha ġew offruti soluzzjoni barra mill-qorti li qablu għaliha u weħlu multa.