Il-Festival Trikki Trakki Jagħlaq Il-Ħames Edizzjoni Ta’ Suċċess!

 Il-Festival Trikki Trakki Jagħlaq Il-Ħames Edizzjoni Ta’ Suċċess!

Trikki Trakki, il-festival teatrali annwali għat-tfal u ż-żgħażagħ imtella’ minn Teatru Malta, taħt it-tmexxija tad-direttriċi tal-festival Antonella Axisa, wasal fi tmiemu s-Sibt li għadda wara xhur ta’ tħejjija qabel l-aħħar spettakli li ttellgħu nhar is-Sibt 26 ta’ Marzu. Fil-festival ħadu sehem total ta’ 6 skejjel minn madwar Malta u Għawdex li ngħaqdu flimkien għall-ewwel ritorn proprju tal-Festival lejn il-palk minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.

Issa fil-ħames sena konsekuttiva tiegħu, l-għan ta’ Trikki Trakki dejjem kien li joffri lit-tfal l-opportunità li jaħdmu ma’ professjonisti mill-komunità teatrali biex jiksbu esperjenza u għarfien diretti dwar kif verament isiru l-affarijiet fuq il-palk u wara l-kwinti. Jekk hux il-produzzjoni tal-props u l-kostumi, l-irtokk, id-disinn tas-sett jew ir-reċtar, l-iskejjel parteċipanti ilkoll kellhom l-opportunità li jmiddu jdejhom u jipprovawhom: l-ewwel permezz ta’ sensiela ta’ workshops u eventwalment permezz ta’ taħriġ prattiku ulterjuri matul il-ġimgħa tal-produzzjoni tal-festival fl-M Space.

Fit-tmun ta’ tim ta’ kreattivi mill-aqwa, Axisa temmen bis-sħiħ fil-qawwa ta’ dan il-festival: “L-għan ta’ Trikki Trakki huwa li jagħti togħma lill-parteċipanti ta’ x’inhu t-teatru, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħu, bit-tama li jnibbet fjamma ta’ mħabba għat-teatru f’dawn l-istudenti, u li, bis-saħħa tal-professjonisti mill-industrija li jaħdmu magħhom, jurihom li t-teatru jista’ jkun ukoll għażla ta’ karriera, anki jekk mhux waħda faċli. F’dan il-festival nitolbu impenn enormi mill-iskejjel u t-tfal, iżda dan nagħmluh b’mod konxju, għax jirrifletti d-dedikazzjoni sħiħa li hija meħtieġa biex taħdem u ssalva fl-arti, u tibqa’ tagħmel dan għal snin sħaħ. Dawk li għadhom qegħdin jaħdmu bħala artisti wara l-pandemija huma xhieda ta’ dan.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, Sean Buhagiar, huwa daqstant ieħor entużjast dwar Trikki Trakki: “Bis-saħħa ta’ dan il-festival, it-tfal jistgħu jilagħbu, jesperimentaw u jagħmlu l-iżbalji filwaqt li jesploraw il-possibbiltajiet infiniti tal-immaġinazzjoni tagħhom. Iżda jirrealizzaw ukoll kemm hemm opportunitajiet oħra għajr li jintefgħu bilqiegħda quddiem it-TV jew joqogħdu jħarsu lejn l-iskrin tal-mowbajl. Jitgħallmu jinnotaw l-affarijiet. Jitgħallmu li d-divertiment jista’ jkun ta’ sfida. Nemmen bis-sħiħ li Trikki Trakki m’għandu jintemm qatt. Ma nistax nistenna sakemm jilħaq il-50 sena tiegħu. Imbagħad il-500 sena.”

Id-diretturi Malcolm Galea, Nicole Cuschieri, Joseph Galea, Jacob Piccinino, Isabelle Gatt u Lara Agius għamlu biċċa xogħol eċċezzjonali fil-ħidma tagħhom mal-istudenti mill-Kulleġġ St Albert the Great il-Belt Valletta, l-Iskola Medja tal-Kulleġġ Sant’Injazju Tal-Ħandaq, l-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva l-Ħamrun, l-Iskola Sekondarja tas-Seminarju t’Għawdex, l-Iskola Medja tal-Kulleġġ Santa Tereża Birkirkara, u l-Iskola Medja San Ġorġ Preca Blata l-Bajda. Kull sena d-diretturi huma inkarigati li jadattaw xogħlijiet teatrali eżistenti, bil-għan li jiffamiljarizzaw lill-istudenti ma’ skripts klassiċi u jwessgħu l-għarfien teatrali tagħhom, filwaqt li jaħdmu fuq adattamenti divertenti u adattati għall-età tal-istudenti. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, id-diretturi għażlu li jaħdmu fuq testi bħal “Antigona” ta’ Sofokle, “Macbeth” ta’ Shakespeare u “Il-Ġaħan ta’ Binġemma” ta’ Francis Ebejer, li kollha ngħataw isem ġdid li jaqbel man-natura tal-festival.

Skont l-etos tal-festival, it-tim tal-props u l-kostumi magħmul minn Isabel Warrington u Maxime Durand irnexxielu joħloq kollox minn oġġetti użati mill-ġdid jew irriċiklati: il-kostumi u l-props kollha kienu mikrija, adattati minn ħwejjeġ eżistenti, mixtrija minn ħwienet tal-karità u adattati, miġjuba mit-tfal, jew magħmula minn oġġetti mormija u oġġetti li normalment jintefgħu fil-borża tar-riċiklaġġ. It-tim ta użu ġdid lil affarijiet mill-aktar oskuri: tajts imtaqqbin, kalzetti qodma u flokkijiet intisġu f’ġiżirajjen, mill-kartun tal-bajd saru viżiera tal-iwweldjar, il-pożati li jiġu mal-ikel għal barra nbidlu f’kuruni, in-noodles tal-għawm saru nuggets, il-fliexken tal-plastik ġew ittrasformati f’weraq tal-ħass, u purtieri qodma ġew meħjuta fi lbiesi. Dan kien element essenzjali fil-proċess tal-edukazzjoni tat-tfal isiru jagħmilhom konxji mill-impatt li l-iskart għandu fuq il-pjaneta, kif ukoll biex iħeġġiġhom jesploraw modi kif jisfidaw il-limiti tal-kreattività tagħhom.

Filwaqt li enfasizzat il-proċess edukattiv tal-festival, l-artista tal-make-up Krista Paris għallmet lill-parteċipanti kif jilbsu l-irtokk tal-palk tagħhom stess, u sfidathom jesperimentaw u fl-aħħar mill-aħħar joħolqu d-dehra eċċellenti tal-irtokk tagħhom stess għall-ispettakli tagħhom.

Teatru Malta tixtieq tieħu din l-opportunità biex tirringrazzja lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u lill-kapijiet tal-iskejjel u l-għalliema li mingħajrhom dan il-festival ma kienx ikun possibbli. Is-suċċess kontinwu ta’ Trikki Trakki jiddependi fuq il-parteċipazzjoni tal-iskejjel tagħna, peress li huwa biss permezz tal-appoġġ dejjiemi u l-interess tagħhom li dan il-festival kapaċi jikber u jitjieb kull sena.

Appoġġjat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, il-Kunsill Malti għall-Arti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com