Il-Flotta Ta’ Vetturi F’San Vinċenz Se Tinbidel Għal Waħda Elettrika

 Il-Flotta Ta’ Vetturi F’San Vinċenz Se Tinbidel Għal Waħda Elettrika

Il-flotta ta’ vetturi ta’ San Vinċenz de Paul, kemm dawk li huma tal-faċilità kif ukoll il-vetturi mikrija, se tinbidel bi flotta ġdida elettrika, proġett li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’San Vinċenz.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie inawgurat 900 metru kwadru ta’ spazju li jinkludi uffiċini ġodda u żewġ garaxxijiet kbar b’sitt charging stations għall-vetturi elettriċi. It-transport unit huwa mgħammar ukoll b’diversi faċilitajiet oħra, fosthom imħażen, proġett b’investiment ta’ €750,000.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li bejn trasport ta’ persuni u trasport ta’ affarijiet, huwa kkalkolat li jsiru aktar minn 12,000 vjaġġ fis-sena u t-taqsima kollha tipprovdi servizzi lil madwar 25,000 klijent fis-sena. Matul l-aħħar snin, id-domanda għal servizzi li jirrikjedu trasport żdiedet drastikament minħabba ż-żieda fin-numru ta’ residenti u anke għaliex żdiedu l-attivitajiet organizzati għall-anzjani.

Il-Ministru żied jgħid li l-flotta preżenti se tkun qed tinbidel għal waħda b’vetturi sostenibbli. “Il-flotta l-ġdida se tirrispetta l-politika tal-Gvern li jippromwovi vetturi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent u b’hekk, inkunu qed nikkontribwixxu fir-rwol ambjentali ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Fl-ewwel fażi tal-proċess, fil-jiem li għaddew, ġie ippubblikat tender li jinkludi x-xiri ta’ 3 vetturi elettriċi li bejniethom jiswew madwar €90,000 u 2 vannijiet elettriċi tal-passiġġieri li jiswew aktar minn €100,000. Dawn se jkunu qed jissostitwixxu l-flotta ta’ San Vinċenz de Paul.

Hemm madwar 18-il sewwieq u uffiċjali liċenzjati li jsuqu vannijiet speċjalizzati bil-tail lifter biex jagħtu servizz lil persuni li jużaw is-siġġu tar-roti. Is-sewwieqa huma mħarrġin fil-‘basic life support’ biex jassiguraw is-sigurtà tal-pazjenti li jkunu qed iġorru matul il-vjaġġ.

Il-Ministru temm jgħid li dan il-proġett isegwi proġetti oħrajn li saru fosthom sistemi effiċjenti ta’ heating, ventilazzjoni u arja kkundizzjonata flimkien ma’ sistema ta’ dwal f’24 sala. ​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com