Il-Kumpanija Elepac Se Tirriloka Għal Fabbrika Ġdida F’Ħal Far B’Investiment Ta’ €13-il Miljun
Il-kumpanija lokali Elepac se tirriloka għall-fabbrika ġdida tagħha minn Bulebel għal Ħal Far. Din ir-rilokazzjoni tfisser investiment ta’ €13-il miljun u l-ħolqien ta’ 35 impjieg ġdid, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt li żar ix-xogħlijiet li qed isiru fil-fabbrika l-ġdida f’Ħal Far.
Il-fabbrika f’Ħal Far se tipprovdi infrastruttura aktar adekwata, moderna u ikbar għax tuża l-massimu tal-art mogħtija u tħares il-kunċett ta’ multilevel. Fil-fatt, f’Bulebel, Elepac kienet topera fi spazju ta’ 12,000 metru kwadru. F’Ħal Far, il-medda ta’ art hija ta’ 9,000 metru kwadru, madanakollu bil-kunċett ta’ multilevel, Elepac ħa topera fi spazju ta’ 14,500 metru kwadru, ferm ikbar minn dak ta’ Bulebel.
“Elepac hija testimonjanza ċara tal-viżjoni li rridu nieħdu lin-negozji tagħna f’pajjiżna. Kumpanija li adottat u adattat għall-isfidi tal-lum billi fl-operat tagħha inkorporat metodi ġodda li jsaħħulha l-produzzjoni b’15%. Proġett li juri l-adattament tan-negozji għal din il-bidla fil-ħsieb li jadattaw minnufih sabiex ikun assigurat il-futur tagħhom. Bl-investiment ta’ 8.4 miljun ewro għar-rilokazzjoni mill-fabbrika ġo Bulebel għal Ħal Far, ser toħloq mal-35 impjieg ġdid. Iżżid ma’ dan l-investiment ta’ €4.2 miljun f’apparat ġdid u modern kif ukoll €625,000 f’makkinarju teknoloġiku. Investiment totali ta’ €13-il miljun”, spjega l-Ministru Schembri. Dan kollu se jpoġġiha f’pożizzjoni aħjar biex tissodisfa ż-żieda fid-domanda tal-prodotti tagħha marbuta ma’ injezzjoni moulding, prinċipalment għall-industriji tal-elettronika u tal-ġugarelli.
Il-Ministru laqa’ l-esportazzjoni ta’ Elepac lejn swieq Ewropej bħal dawk fl-Italja, fi Franza, fil-Ġermanja, fir-Repubblika Ċeka u fl-Ingilterra u qal li l-kumpanija rnexxielha tikseb suċċess fin-negozju f’Singapore u f’Texas fl-Istati Uniti tal-Amerika, u qed tesplora wkoll opportunitajiet ta’ kummerċ fl-Afrika ta’ Fuq, partikolarment fil-Marokk.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Elepac Joseph Borg irrimarka li matul l-aħħar snin il-kumpanija investiet f’impjant u f’makkinarju, u se tkompli tinvesti aktar hekk kif tirriloka għal fabbrika ġdida.
Il-Kap Eżekuttiv qal, “Aħna ħerqana ħafna biex nimxu f’dawn il-faċilitajiet il-ġodda. L-operazzjonijiet attwali tagħna se jokkupaw madwar 70% tal-art tal-fabbrika li tħalli spazju abbundanti għat-tkabbir kemm fil-produzzjoni u fl-impjiegi. Ix-shareholders u l-bord huma ħerqana li jkomplu bil-programm ta’ investiment tal-grupp, fis-snin li ġejjin, li ċertament itejjeb il-kompetittività u s-sostenibbità tal-grupp”.
Ritratti: DOI