Il-Kunsill Lokali San Ġiljan Jgħid Li M’Hemm L-Ebda Permessi Biex Illum Isiru Attivitajiet, Mużika U Bejgħ Fuq Barra

 Il-Kunsill Lokali San Ġiljan Jgħid Li M’Hemm L-Ebda Permessi Biex Illum Isiru Attivitajiet, Mużika U Bejgħ Fuq Barra

Hekk kif illum hija l-festa ta’ San Patrizju, u hija sinonima ħafna ma’ attivitajiet tal-massa f’San Ġiljan, dalgħodu l-Kunsill Lokali ħareġ stqarrija fejn informa li l-ebda permess ma ħareġ biex isiru attivitajiet fuq barra.

Il-Kunsill Lokali qal li bi ftehim mal-Pulizija tad-Distrett u skont id-direttivi tas-Saħħa Pubblika, ma nħarġu l-ebda permessi għal ebda attività, mużika jew bejgħ ta’ xorb fuq barra. “Għaldaqstant, kull attività/mużika/bejgħ fuq barra mhiex legali u awtorizzat. L-ebda triq mhu ser tkun magħluqa,” kiteb il-Kunsill Lokali fl-istqarrija tiegħu.

Intqal li jekk ser ikun hemm xi tip ta’ attività, dawn iridu jkunu fl-istabbiliment u skont il-liċenzji li huma għandhom. “Hija r-responsabbiltà tal-Pulizija u l-MTA li jaraw li dawn qegħdin josservaw il-liċenzji tagħhom,” tenna jgħid il-Kunsill, filwaqt li saħaq li ma jaċċettax u ma jifhimx kif bar jew restorant għandu jinbidel fi club bil-mużika amplifikata. “Għaldaqstant, napprezzaw li liġijiet ikunu osservati minn kulħadd.”

Il-Kunsill Lokali San Ġiljan temm jgħid li ser ikun qed iżomm responsabbli lil dawk l-istabbilimenti fejn il-klijenti tagħhom jħallu ħmieġ u skart f’post pubbliċi. “Il-Kunsill m’għandux budget biex inaddaf wara events. Għaldaqstant, nappellaw lis-sidien biex jifhmu r-responsabbiltà tagħhom.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com