Il-Memorja Tal-Vittmi Tal-Covid-19 Tibqa’ Tgħix Fi Ġnien F’Raħal Ġdid
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura ġnien iddedikat għall-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom bil-Covid-19 matul dawn l-aħħar sentejn.
Id-Deputat Prim Ministru qal li kollha kemm aħna għamilna ħafna sagrifiċċji matul is-sentejn li għaddew, min kellu jagħlaq in-negozju għal xi żmien, min kellu jinfired minn mal-għeżież tiegħu, biddilna l-ħajja soċjali tagħna, saru sagrifiċċji kbar fost l-artisti, l-isportivi u f’kull qasam ieħor f’pajjiżna. Iżda, żied id-Deputat Prim Ministru, l-akbar sagrifiċċju għamluh dawk li l-Covid-19 ħakmithom sew, dawk li għamlu ġranet, ġimgħat, u xi kultant anke xhur jingħataw kura fl-isptarijiet tagħna, u dawk li tilfu l-battalja.
“Dawn in-nies inżommuhom dejjem ħajjin fil-memorja, fil-moħħ u fil-qlub tal-għeżież tagħhom u mil-lum se nkunu qed inżommu l-memorja tagħhom ħajja permezz ta’ dan il-ġnien,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Kien fil-bidu ta’ Marzu 2020 li Malta kellha l-ewwel każ tal-Covid, u minn hemm bdew jiżdiedu l-miżuri, u fit-8 ta’ April, Malta rreġistrat l-ewwel vittma. Dak iż-żmien, Malta setgħet biss tipprepara ruħha għall-Covid, b’investiment qawwi fil-qasam tas-saħħa. Saru swabbing centres, investiment fil-laboratorji, ITUs, swali oħra f’Mater Dei, inxtara l-apparat kollu neċessarju bħal tagħmir protettiv, ventilators etċ. u twaqqfu żewġ helplines.
Fis-26 ta’ Diċembru 2020, f’Malta waslu erbat ijiem wara li ġew approvati mill-Unjoni Ewropea, l-ewwel vaċċini li bdew jintużaw mill-għada stess li waslu. Hawnhekk pajjiżna beda l-istorja ta’ suċċess fejn tidħol vaċċinazzjoni, fejn sal-lum ingħataw total ta’ 1,250,797 vaċċin.
Is-suċċess ta’ Malta kif iġġieldet il-pandemija ġew imfaħħra wkoll mill-President tal-Kummissjoni Ewopea Ursula Von der Leyen u mid-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa Hans Kluge.
F’dan il-ġnien inżergħu ’l fuq minn 500 siġra ġdida b’sistema ta’ irrigazzjoni biex b’hekk jibqa’ mafkar ħaj ta’ dawk li ħallsu l-ogħla sagrifiċċju waqt il-pandemija.
Ritratti: DOI