“Il-Paċi Rridu Nibżgħu Għaliha” – Il-President Ta’ Malta Fid-Diskors Tal-Għeluq Tal-Forum Dinji Għal Kultura Ta’ Paċi Ġusta

 “Il-Paċi Rridu Nibżgħu Għaliha” – Il-President Ta’ Malta Fid-Diskors Tal-Għeluq Tal-Forum Dinji Għal Kultura Ta’ Paċi Ġusta

Il-President George Vella qal li l-paċi mhix l-uniku kompitu tal-politiċi eletti u rridu nibżgħu għaliha. Din għandha l-għeruq u s-saħħa tagħha fix-xogħol ta’ kuljum tal-organizzazzjonijiet multilaterali, l-ambaxxaturi, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet volontarji, l-istudenti u ż-żgħażagħ.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, il-President Vella stqarr li l-forum ta vuċi lil dawk li l-libertà, il-ħajja, u f’xi każijiet, l-eżistenza tagħhom jinsabu mhedda.

Filwaqt li rrefera għall-gwerra fl-Ukrajna b’mod partikolari, il-President elabora li t-tama kollettiva aħħarija hija li jkun hemm negozjati kredibbli u effettivi li jwasslu għal waqfien fit-tul tal-attakki atroċi u biex il-poplu Ukren jinħeles mill-periklu, id-diqa u l-biża’ li esperjenza għal jiem sħaħ. Żied jgħid li l-ebda pajjiż – kbir jew żgħir – m’għandu jiġi mhedded jew jitqiegħed f’periklu b’dan il-mod. Il-President irrefera għall-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar “Aggressjoni Kontra l-Ukrajna” tat-2 ta’ Marzu. Il-President Vella ngħaqad fil-fehma tiegħu u s-sentiment ġenerali tal-Forum ma’ din il-kundanna qawwija globali tal-attakki illegali u mhux ipprovokati fuq stat sovran u t-tbatija enormi li qed jikkawżaw lill-poplu.

Iċ-Chairman tal-Abdulaziz Saud Albabtain Cultural Foundation, Abdul Aziz Saud Albabtain, qal li l-paċi ġusta hija dritt tal-umanità kollha. Appella l-formazzjoni ta’ mexxejja ġodda fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa u saħaq fuq il-ħtieġa li jinstab mekkaniżmu komuni biex dawn jitħarrġu fil-livell internazzjonali.

Il-President kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għall-Istati Għarab, Nayef Falah Mubarak Al-Hajraf fil-marġni tal-forum, li matulha tkellmu dwar il-kooperazzjoni eċċellenti bejn Malta u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf.

Il-President Vella kellu wkoll laqgħa mal-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali tal-Kuwajt, Marzouq Al-Ghanim, wieħed mill-kelliema ewlenin tal-forum. Id-diskussjoni ffukat fuq ir-rabtiet storiċi li ilhom għal żmien twil, u l-kontribut li jagħtu ż-żewġ pajjiżi għall-istabbiltà fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Golf.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com