Il-Partit Laburista Jgħid Li Għall-Pensjonanti Ma Hemmx Terms And Conditions

 Il-Partit Laburista Jgħid Li Għall-Pensjonanti Ma Hemmx Terms And Conditions

“Xi ħaġa li spikkat mill-kampanja tal-Oppożizzjoni kien il-fatt illi jitkellmu fuq il-passat. Nixtieq infakkar x’kien il-passat taħt Gvern Nazzjonalista fejn f’21 sena ma żdieditx l-pensjoni u ma ngħatatx il-COLA sħiħa. Wara 21 sena, l-pensjonanti ħadu is-seba’ żieda fil-pensjoni.”

Dan qalu l-Ministru Michael Falzon li flimkien mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Glenn Bedingfield indirizza konferenza tal-aħbarijiet, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.

“Gvern Laburista neħħa l-friża tal-pensjonijiet li kienet ilha għall-ġenerazzjoni sħiħa. Bdejna fl-ewwel leġislatura billi tejjibna l-pensjoni minima u dik tar-romol, umbagħad f’din il-leġislatura bdejna nagħtu żidiet lill-pensjonanti kollha. Dan il-Gvern irranġa ħafna anomaliji u tant daħħalna skemi ġodda li tal-Partit Nazzjonalista ma jistgħux ilaħħqu ma’ dak kollu li għamilna,” sostna Glenn Bedingfield.

Huwa kompla jgħid li l-PN qed iwiegħed dak li ilu jeżisti. “Il-PN kull ma joffri huwa bit-terms and conditions. Mal-Partit Nazzjonalista xejn ma huwa ċert, ħlief ħaġa waħda, li jekk hemm piż, dan se jġorru ż-żgħir. Dan joħroġ bl-aktar mod ċar meta tħares lejn dak li qed jipproponi l-PN fuq il-pensjoni minima, dik li tmur għand dawk l-aktar vulnerrabli fis-soċjetà tagħna,” żiedu jgħidu l-Kelliema tal-PL.

Il-PL tenna li lil dawn, Gvern Laburista mhux biss neħħilhom il-friża, iżda fl-aħħar snin żidilhom id-dħul b’aktar minn 20%. Lil dawn il-Partit Laburista qed jagħtihom garanzija li mhux biss jieħdu COLA sħiħa, imma saħansitra mekkaniżmu ta’ COLA addizjonali meta jkun hemm inflazzjoni straordinarja, u fuq dan kollu se jieħdu żieda ta’ €15 fil-ġimgħa.

“Mal-Partit Laburista ma hemmx terms and conditions għall-pensjonanti,” temmew jgħidu Falzon u Bedingfield.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com