Il-Partit Laburista Jgħid Li “Mal-PN Kollox Bit-Terms And Conditions”
“Fl-2017 il-Partit Nazzjonalista kien parti mill-koalizzjoni tal-konfużjoni. Ħames snin wara ma għandhomx bżonn ikunu f’koalizzjoni biex jgħerqu fil-konfużjoni”.
Dan qalu l-Ministru Ian Borg li flimkien mal-Ministru Clyde Caruana indirizza konferenza tal-aħbarijiet, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
Il-Kelliema tal-PL qalu li l-PN ħareġ manifest li nbidel kemm-il darba bil-wegħdi jinbidlu ma’ kull edizzjoni tal-manifest. Intqal li dan qed joħloq konfużjoni fost il-votanti, imma wkoll fost il-kelliema tal-PN.
Il-Ministru Borg qal li l-konfużjoni tal-PN fiha skop – “dak li jostru t-terms and conditions li fih il-manifest tagħhom marbut ma’ kważi kull proposta.”
“Jgħidu x’jgħidu t-terms and conditions, kunu ċerti li tal-PN lilkom se jeħdulkom u mhux jagħtukom. Magħna mhux hekk. Mal-Partit Laburista kulħadd se jkollu futur sabiħ”, spjega il-Ministru Clyde Caruana.
Huwa kompla jgħid li “apparti dawn it-terms and conditions li qed jagħmel il-PN, b’dak li qed iwegħdu se jbagħtu n-negozji b’żieda ta’ burokrazija, inkwilini se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, se jdaħħlu bolla ġdida b’piż fuq in-negozji, se jneħħi ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa, u b’mod ġenerali se tbagħti l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.”